Internazzjonali

Stati Uniti: Maqtul wara li daħal fl-artijiet tar-residenza ta’ Trump f’Mar-a-Lago

L-aġenti tal-FBI qed jinvestigaw il-każ ta’ raġel li spiċċa maqtul mill-membri tas-servizzi sigrieti wara li daħal fl-artijiet tar-residenza tal-President Amerikan Donald Trump f’Mar-a-Lago, f’Palm Beach fl-Istat ta’ Florida.

Ir-raġel, li għadda mill-perimeter tas-sigurtà, kien armat b’senter u anki kien qed iġorr landa tal-fuel. Dan qabel hu spiċċa konfrontat mill-aġenti u uffiċjal mill-County Sheriff ta’ Palm Beach li ordnawlu biex iniżżel is-senter u l-landa mal-art.

Intant, ir-raġel telaq il-landa minn idejh u dawwar is-senter fid-direzzjoni tal-aġenti – li min-naħa tagħhom fetħu n-nar għal fuqu biex jinnewtralizzaw it-theddida. Ma weġġa ħadd minn fost l-uffiċjali waqt dawn il-mumenti drammatiċi.

Mhix magħrufa l-identità tar-raġel inkella għalfejn hu kien daqshekk determinat li jidħol fl-artijiet ta’ Mar-a-Lago. Lanqas mhu magħruf jekk is-senter tal-allegat aggressur kienx, fil-fatt, ikkargat u lest biex jispara.

Fl-istess ħin, diversi uffiċjali tal-Gvern Amerikan qalu li l-periklu għall-President Trump qed jikber minħabba dak li huma fissru bħala ‘mewġa ta’ mibgħeda għalih’ fuq il-mezzi online.

Intant, l-aġenti tal-FBI, qed jiġbru l-evidenza minn fuq il-post u meta ukoll mistennija stqarrija uffiċjali dwar l-inċident matul il-lejl.

Il-President Trump ma kienx fi Florida fil-ħin tal-konfront bejn l-aġenti u r-raġel inkwistjoni u meta mifhum li hu, għalissa, se jibqa’ f’Washington.

Dan ukoll meta l-President, din il-ġimgħa, għandu jagħti d-diskors annwali ‘State of the Union’ li jevalwa l-iżviluppi tal-pajjiż tul l-aħħar tnax-il xahar.