“Il-pass li jmiss sabiex Alex Borg jirbaħ l-elezzjoni ġenerali hu li jkompli jikkonvinċi lill-votanti li hu tassew kapaċi jmexxi l-pajjiż.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni li twassal fl-editorjal tal-MaltaToday fejn issemma’ kif il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, huwa magħqud, mimli enerġija u lest li joffri lil Malta gvern alternattiv, serju u kredibbli.
Il-MaltaToday tenna li fuq medda ta’ ftit xhur biss, Alex Borg ta ħajja ġdida lill-Partit Nazzjonalista. Tant li issa l-Partit mhux biss qed jirreaġixxi għall-proposti tal-Gvern, iżda qed jissettja agenda li tpoġġi fiċ-ċentru l-interess nazzjonali.
Ingħad ukoll li d-direzzjoni minn fuq hi aktar ċara u koerenti – xi ħaġa li qajmet aktar entużjażmu u tama fost l-attivisti u l-membri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Il-MaltaToday faħħret il-fatt li Alex Borg bħala żagħżugħ juża l-midja soċjali b’mod effettiv sabiex jikkomunika man-nies u jisma’ dak li għandhom x’jgħidu. U b’Alex Borg fit-tmexxija, ħafna votanti li ma kinux konvinti issa għall-inqas lesti li jisimgħu.
L-editorjal temm billi stqarr li Alex Borg għandu jippreżenta viżjoni ċara li tipproteġi dak li jaħdem u li ttejjeb dak li ma jaħdimx – mill-kura tas-saħħa u t-trasport, sal-enerġija u l-opportunitajiet ekonomiċi f’pajjiżna.
U li fuq kollox, għandu jikkonvinċi lin-nies li taħt it-tmexxija tiegħu pajjiżna jista’ verament jimxi ‘l quddiem.
//= $special ?>
