Lokali Qorti

Il-Bord tal-kera jiċħad talba għal żgumbrament fuq garaxx fil-Mellieħa u jordna trasferiment tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Bord li Jirregola l-Kera, presedut mill-Maġistrat Leonard Caruana, ċaħad it-talba ta’ Mary Rose Mifsud biex tittermina l-kirja u tiżgombra lill-kerrejja Emanuel u Angela Theuma mill-garaxx “Saint Joseph Garage” fi Triq Sammy Bartolo, il-Mellieħa.

Mifsud kienet sostniet li l-koppja Theuma kisru diversi klawsoli tal-kuntratt ta’ kiri ffirmat fl-2013 għal perjodu ta’ 20 sena, fosthom billi allegatament ħallew il-bieb tal-garaxx fi stat ħażin, użaw il-fond għal skopijiet kummerċjali, naqsu milli jirranġaw tieqa u ċaħduha aċċess għall-proprjetà. Fuq din il-bażi hija talbet li l-kirja tiġi tterminata u li l-kerrejja jiġu żgumbrati.

Il-Bord, iżda, sab li l-ħsarat fil-bieb, għalkemm serji u jeħtieġu bdil, ma jikkwalifikawx bħala “ħsara ħafna” fis-sens tal-liġi biex tiġġustifika l-estrem tal-iżgumbrament. Ġie osservat li ma ġietx ippruvata tnaqqis fil-valur tal-fond u li l-bieb jista’ jinbidel b’wieħed ġdid u eħfef.

Madankollu, il-Bord ikkonkluda li d-deterjorament tal-bieb kien frott nuqqas ta’ manutenzjoni min-naħa tal-kerrejja tul is-snin, u għalhekk huma għandhom iġarrbu l-ispiża tal-bdil tiegħu, minkejja klawsola fil-kuntratt li tgħid li bieb ta’ barra għandu jinbidel a spejjeż tas-sid.

Dwar l-allegat użu kummerċjali, il-Bord aċċetta li kien hemm mument fejn ġew maħżuna oġġetti marbuta ma’ attività kummerċjali, iżda sab li dan kien temporanju u waqaf malli ntalab. Għalhekk ma kienx biżżejjed biex jiġġustifika t-terminazzjoni tal-kirja. Fir-rigward tat-tieqa, ir-rapport tekniku kkonferma li kienet adegwata u ssigillata tajjeb, filwaqt li dwar l-aċċess il-Bord sab li ma ġietx ippruvata ċaħda sistematika.

Min-naħa l-oħra, il-Bord laqa’ diversi talbiet rikonvenzjonali tal-kerrejja. Sab li skont il-kuntratt, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kellhom ikunu reġistrati f’isimhom, iżda baqgħu f’isem is-sid. Għaldaqstant ordna li l-kont bin-numru relevanti miżmum ma’ Automated Revenue Management Systems Limited (ARMS) jiġi trasferit fuq il-kerrejja fi żmien tliet xhur, u awtorizzahom jagħmlu huma t-talba jekk dan ma jsirx.

Barra minn hekk, filwaqt li ddeċieda li l-bieb għandu jinbidel mill-kerrejja, il-Bord sab li l-blata (travu) ta’ fuqu sofriet ħsarat minħabba l-piż tal-bieb installat qabel il-bidu tal-kirja. Għalhekk iddeċieda li r-responsabbiltà biex tinbidel il-blata taqa’ fuq is-sid.

B’kollox, it-talbiet kollha tas-sid għal żgumbrament u danni ġew miċħuda, filwaqt li ntlaqgħu parzjalment it-talbiet tal-kerrejja, b’ordnijiet speċifiċi dwar il-kontijiet tas-servizzi u x-xogħlijiet strutturali meħtieġa fil-garaxx.