Internazzjonali

Il-Messiku: Iwieġbu bi vjolenza għall-mewta ta’ Baruni tad-Droga

Il-Messiku għaddej mill-ġdid minn mewġa ta’ vjolenza wara l-mewta ta’ Baruni tad-Droga magħruf bħala ‘El Mencho’…Traffikant ewlieni li miet waqt li kien miżmum taħt arrest u wara li hu inqabad mill-qawwiet speċjali Messikani.

Fl-aħħar sigħat, il-membri armati tal-Kartell tal-Ġenerazzjoni Ġdida ta’ Jalisco infexxew f’dagħdigħa ta’ azzjonijiet biex jivvendikaw il-mewt tal-kap tagħhom. Il-Kartell ta’ Jalisco hu wieħed mill-akbar organizzazzjonijiet kriminali fil-Messiku u l-aħħar splużjoni ta’ vjolenza ħalliet impatt kollettiv madwar 20 Stat tal-pajjiż.

Sadanittant, il-kriminali taw in-nar lil diversi djar u stabbilimenti waqt li qabbdu wkoll numru kbir ta’ barrikati li tellgħu qalb it-toroq ewlenin.

‘El Mencho’ – ismu proprju   Nemesio Oseguera Cervantes – kien l-aktar kriminal imfittex fil-Messiku,  Hu, intant, spiċċa serjament midrub waqt sparatura bejn il-bodyguards tiegħu u l-kommandos militari li ngħataw struzzjonijiet biex jaqbduh akkost ta’ kollox. Intant, ‘El Mencho’ miet waqt li l-militar kien qed jittrasportah minn Jalisco lejn il-Belt tal-Messiku.

Il-Ministeru tad-Difiża fil-Messiku, fl-aħħar sigħat, ikkonferma li fl-isparatura nqatlu talanqas sitta fost il-gwardjani personali ta’ dan il-baruni tad-droga, b’diversi kommandos jisfaw midruba b’konsegwenza tal-battalja.