Il-Partit Nazzjonalista sar l-ewwel partit politiku f’Malta li mar live fuq TikTok, pass importanti u innovattiv biex jilħaq udjenzi iżgħar u jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali.
Waqt il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-PN, filwaqt li l-attività kienet qed tixxandar fuq il-pjattaformi tradizzjonali bħalma huma Facebook u mezzi oħra diġitali, għall-ewwel darba f’Malta xandira politika saret ukoll live fuq TikTok permezz tal-paġna ta’ Alex Borg. Din l-inizjattiva kienet immirata b’mod partikolari lejn iż-żgħażagħ, udjenza li dejjem aktar qed tuża din il-pjattaforma bħala s-sors ewlieni ta’ informazzjoni u komunikazzjoni.
Dan il-pass juri kif il-Partit Nazzjonalista qed jinvesti bis-serjetà fil-qasam diġitali u qed jadatta ruħu għar-realtajiet ġodda tal-komunikazzjoni. Fil-fatt, dan kien wieħed mill-wegħdiet li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg – li jsaħħaħ il-preżenza tal-partit fuq il-midja soċjali u jiftaħ aktar spazju għal komunikazzjoni diretta maż-żgħażagħ.
Il-live fuq TikTok ġibed interess immedjat, b’aktar minn 1,500 like matul ix-xandira u bosta segwaċi li daħlu jsegwu l-Konvenzjoni Nazzjonali b’mod dirett fuq il-pjattaforma. Dan jindika li hemm interess reali minn naħa taż-żgħażagħ biex isegwu u jipparteċipaw fid-diskussjoni politika meta din tkun preżentata fuq il-pjattaformi li huma jużaw kuljum.
B’din l-inizjattiva, il-Partit Nazzjonalista mhux biss qed jinnova fil-mod kif jikkomunika, iżda qed jagħti sinjal ċar li jrid ikun partit modern, miftuħ u qrib iż-żgħażagħ. Il-pass fuq TikTok jimmarka bidla sinifikanti fix-xena politika Maltija u jista’ jservi ta’ eżempju għal kif il-politika tista’ tilħaq ġenerazzjoni ġdida permezz ta’ mezzi ġodda.
//= $special ?>

