“Nibqħu naħdmu u nikkollaboraw flimkien għal ġejjieni aħjar”
Kien dan l-appell li wasslu diversi rapporteurs li tkellmu ma’ Net News, fl-għeluq tal-Konvenzjoni Nazzjonali – fejn qasmu magħna l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom b’rabta mat-temi li kienu responsabbli minnhom matul din il-Konvenzjoni.
Il-Perit Jacques Borg Barthet, li kien responsabbli mit-tema komunitajiet b’saħħithom, semma’ kif għandna bżonn inħarsu lejn il-komunitajiet tagħna u lejn l-ambjent b’aktar bilanċ, sostennibiltà u viżjoni fit-tul.
Dan is-sit ħa wkoll il-kummenti ta’ Louise Bonnici, li kienet responsabbli mit-tema ‘Gvern li jieħu ħsiebek’.
Hi semmiet kif b’din il-Konvenzjoni Nazzjonali hemm t-tama biex tkompli l-ħidma għal futur aħjar, speċjalment għal pensjonati, u dawn li jirrikorru kura. Dan filwaqt li enfasizzat l-importanza ta’ avvenimenti bħal dawn – fejn kulħadd jista’ jifforma parti mill-bidla u jkun vuċi fil-pajjiż.
Dan is-sit tkellem ma’ Angele Pulis, li kienet responsabbli mit-tema ‘Malta Lesta għal Għada’ illi minn naħa tagħha spjegat kif b’din il-Konvenzjoni Nazzjonali nġabru opinjonijiet u ħsibijiet differenti, bil-għan li l-politika toffri viżjoni fit-tul.
Daniel Borg, li kien responsabbli mit-tema ‘Għawdex fil-qalba tal-viżjoni nazzjonali’ semma’ li jrid ikun hemm ħsieb differenti għal Għawdex; biex tinżamm ir-reġjonalità, b’aktar enfasi fuq l-aċċessibbiltà, kif ukoll fuq il-konnettività.
Hu qal illi b’din il-Konvenzjoni, inħoloq spazju fejn wieħed jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod liberu.
Il-workshops tas-Sibt kienu segwiti minn ammont kbir ta’ persuni, u fihom ipparteċipaw nies ġejjin minn kull sfera tas-soċjetà.
//= $special ?>

