Wara l-protokoll tradizzjonali u l-parata tal-atleti flimkien ma’ serata ta’ spettaklu fejn l-Italja offriet b’mod kreattiv dak li l-kultura u l-istorja tal-Italja kapaċi toffri, l-organizzaturi għaddew il-bandiera Olimpika lir-rappreżentanti tal-Alpi Franċiżi, li se jsegwu l-istess mudell ta’ bħal Milan-Cortina.
Il-presidenti tar-reġjun Franċiż ta’ Provence-Alpes-Cote d’Azur Renaud Muselier, flimkien ma’ dak tar-reġjun ta’ Auvergne-Rhone-Alpes, Fabrice Pannekoucke rċevew il-bandiera Olimpika fil-qofol taċ-Ċerimonja tal-Għeluq.
L-avvenimenti se jsiru fl-Alpi kif ukoll f’Nizza, fuq il-Baħar Mediterran. Avvenimenti tal-speed skating fuq long track se jsir barra minn Franza, x’aktarx fl-Italja jew fl-Olanda.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Kirsty Coventry qalet li l-Logħob ta’ Milan-Cortina wassal għal tip ġdid ta’ Logħob tax-Xitwa li stabbilixxa livell ġdid u għoli ħafna għall-futur tal-Logħob.
Matul 17-il jum ta’ kompetizzjoni, saru 116-il avveniment tal-midalji fi tmien sports f’16-il dixxiplina. In-Norveġja kienet fl-ewwel post fl-għadd finali tal-midalji bi 18-il midalja tad-deheb u 41 midalja b’kollox.
Fl-aħħar ġurnata ta’ kompetizzjoni, fil-finali tal-Bob ta’ b’erbgħa tal-irġiel, suċċess nett għall-Ġermanja rebbieħa tal-midalja tad-deheb fi 3 minuti 37.57 sekondi fuq erba’ runs qabel it-tieni bob tal-Ġermanja b’3 minuti 38.14 sekondi. Fit-tielet post l-Awstrija fi 3 minuti 38.64 sekondi filwaqt li t-tielet bob tal-Germanja temm fir-raba’ post fi 3 minuti 38.68 sekondi.
Fil-Cross country tan-nisa fuq distanza ta’ 50 kilometru, suċċess għal Ebba Andersson tal-Iżvezja li temmet f’sagħtejn 16-il minuta u 28.2 sekondi. Fit-tieni post Heidi Weng tan-Norveġja f’ sagħtejn 18-il minuta u 43.5 sekondi filwaqt li midalja tal-bronż għal Nadja Kalin tal-Iżvizzera f’sagħtejn, 23 minuta u 9.7 sekondi.
Fl-Istadium Olimpiku ta’ Cortina, finali tal-curling tat-timijiet tan-nisa. Għar-raba’ darba fl-istorja Olimpika midalja tad-deheb għall-Iżvezja wara li f’finali mifuħa għal kull riżultat għelbu lil Iżvizzera 6 – 5 . Fil-finali għal midalja tal-bronż il-Kanada għelbet lill-Istati Uniti 10 – 7
Finali mill-isbaħ tal-ice hockey tal-irġiel, midalja tad-deheb għall-Istati Uniti fuq il-Kanada. L-ewwel suċċess tal-Istati Uniti wara 46 sena. Wara 60 minuta l-partita ntemmet 1 – 1 sabiex meta t-timijiet marru għas-sudden death kienu l-Istati Uniti li għalqu 2 – 1 .
Aktar qabel fil-finali għall-midalja tal-bronż il-Finlandja ddominat għal kollox fir-rebħa ta’ 6 – 1 fuq is-Slovakkja.
//= $special ?>

