Lokali Qorti

Mara tirtira l-akkużi kontra żewġha fuq vjolenza domestika

Mara li kienet ressqet ilment kontra żewġha ta’ 69 sena quddiem il-Qorti ddeċidiet li tirtira l-akkużi kontrih, minkejja li l-każ kien ġie klassifikat bħala wieħed ta’ “periklu serju” skont risk assessment. Ir-raġel, pensjonant minn San Ġwann, kien akkużat li kkaġuna lill-martu biża’ li kienet se tintuża vjolenza kontriha, kif ukoll li heddidha u insulentaha. Hu kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Fil-Qorti, il-mara intalbet biex titla’ tixhed u spjegat li xtaqet taħfer lil żewġha. Qalet li t-tnejn jinsabu taħt stress qawwi minħabba sitwazzjoni relatata ma’ “bini maġenbhom” u minħabba terzi persuni li, skont hi, qed jinfluwenzaw ħajjithom. Spjegat li l-istress ilu għaddej għal xhur u meta persuna tkun taħt pressjoni tista’ tgħid affarijiet li ma tfissirhomx.

Hija qalet li ma tħossx li għandha bżonn protezzjoni mill-Qorti u li jekk il-proċeduri jieqfu, żewġha jista’ jerġa’ lura d-dar. Żiedet li tixtieq tinsa dak kollu li ġara u tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni tagħha. Il-Qorti nnutat li l-każ kien ġie kklassifikat bħala wieħed ta’ “periklu serju” skont il-punteġġ tal-evalwazzjoni tar-riskju, iżda laqgħet it-talba tal-mara u ddikjarat il-proċeduri mitmuma.

Il-Qorti ssuġġeriet li l-koppja tattendi għal terapija familjari sabiex titjieb il-komunikazzjoni bejniethom u jiġu evitati sitwazzjonijiet simili fil-futur. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Abigail Critien. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina filwaqt li għall-akkużat deher il-prokuratur legali Peter Paul Zammit.