Lokali Qorti

Miċħud il-ħelsien mill-arrest għal żagħżugħ fuq allegat traffikar ta’ droga

Żagħżugħ ta’ 22 sena wieġeb mhux ħati ta’ pussess aggravat ta’ cannabis u kokaina wara li nstab b’erba’ grammi droga fuqu f’ċirkostanzi li, skont il-prosekuzzjoni, jindikaw li ma kinux għall-użu personali. Russell Ghiller tressaq il-Qorti t-Tnejn waranofsinhar fejn ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu 2 grammi kokaina u 2 grammi kannabis f’ċirkostanzi li juru intenzjoni ta’ traffikar, kif ukoll li assoċja ruħu biex jittraffika d-droga.

Hu kien akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus, bi ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ preċedenti u li saq mingħajr liċenzja. L-ispettur tal-Pulizija Nico Zarb spjega fil-Qorti li, minkejja l-kwantità relattivament żgħira, iċ-ċirkostanzi tal-każ jindikaw traffikar. Qal ukoll li l-akkużat kellu €650 fi flus kontanti fuqu meta ġie arrestat.

Fuq talba tal-prosekuzzjoni, il-Qorti imponiet ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tal-akkużat. L-avukat difensur Mark Mifsud Cutajar talab għall-ħelsien mill-arrest, u sostna li l-provi diġà ġew ippreservati mill-Pulizija, inkluż id-droga maqbuda u messaġġi estratti mill-mobile tal-akkużat.

Hu qal li l-klijent tiegħu lest jissottometti ruħu għal kundizzjonijiet stretti u anke jċedi x-xogħol tiegħu, filwaqt li missieru kien lest jaġixxi bħala garanti. Madankollu, l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Valentina Cassar oġġezzjonat għat-talba, billi sostniet li l-proċeduri jinsabu fi stadju bikri u li hemm biża’ ta’ tfixkil tal-provi, partikolarment minħabba investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin dwar terzi persuni.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Abigail Critien. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Valentina Cassar, assistita mill-Ispettur Nico Zarb, filwaqt li għal Ghiller deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar.