Opinjoni

Opinjoni: KEMMUNA – X’qed jaħbi l-Gvern?

Sena wara oħra Kemmuna terġa’ tfeġġ fiċ-ċentru ta’ kontroversja: pressjoni kontinwa fuq ambjent fraġli u, fl-istess ħin, wegħdiet politiċi fierħa li jitkellmu dwar “protezzjoni” u “sostenibbiltà”

Rebekah Borg
Shadow Minister
għall-Ambjent

Kull sena malli jibdew joqorbu x-xhur sħan nisimgħu l-istess kantaliena tal-Gvern Laburista, u kull sena ma jinbidel xejn.
Bħala Partit Nazzjonalista ilna snin nitkellmu fuq dan is-suġġett, anki minħabba dak li ħareġ minn Mistoqsijiet Parlamentari li għamilt jien stess dwar in-numru ta’ deckchairs u l-konċessjonijiet tal-bajjiet. Imma riċentament, bħala x-Shadow Minister tal-Ambjent, kxift fil-Parlament l-attentat sistematiku mill-Gvern Laburista biex iżomm lill-poplu Malti u Għawdxi fid-dlam anki fuq dan is-suġġett.

Monitoraġġ u protezzjoni
Kemmuna hi zona protetta taħt Natura 2000, b’obbligi ċari ta’ kif għandha tkun immaniġġjata, kif ukoll obbligi ta’ monitoraġġ u protezzjoni.
Wieħed mill-oġġettivi ta’ dan il-pjan huwa li jsir carrying capacity tal-Blue Lagoon, u dan kellu jsir fi żmien sena minn meta jiġi implimentat dan il-pjan. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-istudju imma kellhom jiġu implimentati sentejn wara.
Issa nafu biċ-ċert li dan l-istudju sar għax hemm miktub fis-sit elettroniku tal-kumpanija li ġiet imqabbda biex tagħmlu. U ma sarx biss fil-Blue Lagoon imma f’erba’ zoni ġewwa Kemmuna. Imma minkejja numru ta’ mistoqsijiet parliamentari li għamilt jien u l-kollegi kif ukoll dik li tissejjaħ Freedom of Information (FOI) request, il-Gvern Laburista ma jridx jippubblika dan l-istudju. L-Istudju dwar il-carrying capacity ta’ Kemmuna qed jiġi ttrattat bħallikieku kien xi sigriet tal-istat.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li hi l-Awtorità inkarigata li tagħmel dan l-istudju, irrifjutat li tippublikah għax qalet li l-istudju hu “privileġġjat” għax hu dokument tal-Kabinett.

L-importanza tat-trasparenza
Dan l-istudju suppost jiddetermina l-limitu sostenibbli ta’ viżitaturi f’Kemmuna. Allura – f’ġieħ it-trasparenza – għala għandu jinżamm moħbi mill-pubbliku dokument importanti li jiddetermina l-futur ta’ wieħed mill-akbar ġojjelli li għandu pajjiżna?
Imma l-iktar ħaġa inkwetanti hi li fil-kawża ta’ waħda minn dawn it-talbiet tal-FOI, l-ERA – li suppost hi l-gwardjan tal-ambjent tagħna – sabet lilha nnifisha f’pożizzjoni fejn kellha tipproduċi evidenza biex tissustanzja li dan id-dokument kien vera dokument tal-Kabinett.
Imma evidenza ma kienx hemm, jew din ma ġietx ippreżentata, għax l-ERA daħħlet biss korrispondenza elettronika mingħand is-Segretarju tal-Kabinett, li nkitbet wara t-talba għall-evidenza. Skont dik l-email, l-istudju sar “għall-Kabinett” u għalhekk skont il-Liġi, it-talba tal-FOI m’hemmx bżonn tintlaqa’.
L-ewwel nett dan id-dokument qatt ma jista’ jkun dokument li sar għall-Kabinett għax huwa obbligu legali li joħroġ mill-Management Plan. Imma agħar minn hekk, issa dan joħloq preċedent perikoluż ħafna fejn kull ħaġa li jrid jaħbi l-Gvern mill-pubbliku, ngħidu lis-Segretarju tal-Kabinet jikteb li huwa dokument għall-Kabinett u jibqa’ mistur.

Għaliex il-Gvern qed jibża’ jippubblika dan l-istudju?
Imma xi ħaġa stramba li wkoll ħarġet mill-korrispondenza elettronika tas-Segretarju tal-Kabinettl hi li l-Ministeru għall-Ambjent ma ngħatax kopja tad-deċiżjoni tal-Kabinett, minkejja li l-ERA kienet l-entità li kkummissjonat u ħallset għall-istudju mingħand kumpanija privata.
Fil-fatt issa qed ikun Ian Borg, bħala l-Ministru għat-Turiżmu, li qed iwieġeb (jew aħjar jevita) il-Mistoqsijiet Parlamentari fuq dan is-suġġett, meta fl-2022 kienet Miriam Dalli, bħala l-Ministru għall-Ambjent, li kienet qed twieġeb (jew taparsi twieġeb). Illum Miriam Dalli tfarfar kompletament u tgħidilna biex nistaqsu lill-Ministru kkonċernat.
Din hi strateġija li toħnoq il-kontabbiltà. Jekk studju ambjentali fuq gżira li tappartjeni lill-poplu kollu jista’ jinżamm moħbi, mela x’se jżomm lill-Gvern milli jaħbi (jekk mhux diġà ħeba) studji dwar l-ippjanar, is-saħħa, jew l-użu tal-fondi pubbliċi? M’huwa xejn għajr attakk qerriedi fuq il-prinċipju tal-governanza tajba.

Patti sigrieti inaċċettabbli
Il-PN jibqa’ sod fil-pożizzjoni tiegħu: il-verità m’għandhiex kulur politiku, u l-ambjent mhuwiex proprjetà tal-Kabinett. Il-pubbliku għandu d-dritt li jkun jaf x’inhu l-futur ta’ Kemmuna, u d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu f’ismu għandhom ikunu bażati fuq fatti trasparenti, mhux fuq patti sigrieti u konvenjenza politika.
Il-Gvern għandu jieqaf jaħbi u jippubblika l-istudju immedjatament. It-trasparenza hi d-dmir ta’ kull Gvern li jgħid li jirrispetta d-demokrazija u l-ambjent tagħna. Jekk il-Gvern hu ċert li qed jagħmel l-aħjar deċiżjonijiet, m’għandux jibża’ mill-istudju; għandu jippubblikah, jispjega kif se jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet, u jħalli lill-pubbliku jiġġudika. Għax f’demokrazija, it-trasparenza mhijiex rigal, hi dritt.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 22 ta’ Frar, 2026.