Internazzjonali

“Putin diġa’ beda t-tielet gwerra dinjija” – Zelensky

F’intervista mal-BBC il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, stqarr li hu jemmen li Putin diġà beda t-tielet gwerra dinjija u l-kwistjoni hija “kif jista’ jiġi mwaqqaf”.

Skont hu, l-uniku mod kif jista’ jiġi mwaqqaf Putin huwa bi pressjoni militari u ekonomika intensiva. It-twaqqif ta’ Putin “tkun rebħa għad-dinja kollha” għax Putin “mhux se jieqaf fl-Ukrajna biss”.

Mistoqsi jekk jaħsibx li t-talba tar-Russja biex takkwista b’mod permanenti partijiet mil-Lvant tal-Ukrajna hija raġonevoli biex ikun hemm qbil għall-waqfien tal-ġlied, Zelensky wieġeb li jekk l-Ukrajna ċċedi territorju lir-Russja tkun qed tabbanduna mijiet ta’ eluf ta’ persuni li jgħixu hemm u li ċ-ċediment jaqsam is-soċjetà Ukrena li ilha magħquda b’mod sod tul il-gwerra kollha.

Rebħa, għal Zelensky, tkun kontroll ta’ kull parti tat-territorju tal-Ukrajna u l-indipendenza mill-ġdid mir-Russja. Zelensky qal li jemmen b’mod ċar li l-Ukrajna se jirnexxielha takkwista lura kull parti tal-pajjiż u l-kwistjoni hija meta se takkwistahom u mhux jekk hijiex se takkwistahom.

Dan, skont hu, qed jieħu l-ħin minħabba li kontro-offensiva rapida fuq skala kbira bil-għan li jintrebaħ lura kull parti tal-Ukrajna tkun tirriżulta f’telf enormi ta’ ħajjiet, u territorju mingħajr nies “m’hu xejn”.

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-President Amerikan Trump jistax ikun fdat fil-garanziji tiegħu wara li Trump sostna li Zelensky beda l-gwerra u wara li Trump ċanfru fil-White House quddiem il-ġurnalisti s-sena li għaddiet, Zelensky wieġeb li presidenzi mhumiex għal dejjem iżda l-istituzzjonijiet – bħall-Kungress Amerikan – huma permanenti.

Biex tkun imwettqa t-talba ta’ Trump biex ikun hemm elezzjoni presidenzjali fl-Ukrajna, Zelensky qal li l-garanziji għall-Ukrajna jridu jkunu f’posthom. Fl-istess ħin, Trump qatt ma talab biex ikun hemm elezzjoni fir-Russja. Skont iċ-ċiklu ta’ elezzjonijiet fl-Ukrajna, elezzjoni presidenzjali kellha sseħħ fl-2024, iżda din ma kinitx possibli taħt il-liġi marzjali Ukrena kawża tal-invażjoni Russa.

Elezzjoni taħt sitwazzjoni ta’ gwerra tkun taffaċċja bosta problemi, sostna Zelensky. Foshom semma n-numru ta’ Ukreni li emigraw lejn pajjiżi oħrajn kawża tal-gwerra, il-vijabbiltà li jkun hemm votazzjonijiet fit-territorji Ukreni li huma okkupati – inkluż ir-riskju ta’ frodi mir-Russi – u li l-Ukrajna jkollha l-ewwel tbiddel il-liġijiet elettorali bi provvisti partikolari li jittrattaw kull kumplikazzjoni ta’ elezzjoni taħt gwerra biex ikunu possibbli elezzjonijiet posposti.

Intant, Zelensky stqarr li jekk din hija kundizzjoni għal tmiem il-gwerra, hu lest biex tkun organizzata elezzjoni.