Knisja Lokali

Restawr tal-Istatwa tal-Gran Mastru L’Isle Adam


L-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp flimkien mal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam ħabbru l-inawgurazzjoni uffiċjali mir-restawr tal-Istatwa Monumentali tal-Gran Mastru L’Isle Adam – opra li tifforma parti integrali mill-armar storiku, antik u tradizzjonali tal-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat u li hija patrimonju tal-istess Arċikonfraternità.
L-istatwa tirrappreżenta lill-Gran Mastru Philippe Villiers de L’Isle-Adam, li fl-1530 wasal f’Malta minn
Rodi bħala l-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann u għażel li jgħix fil-Belt tal-Imdina. Fl-1532, meta
saħħtu bdiet tonqos, mar joqgħod għand il-Patrijiet Franġiskani, li magħhom kellu rabta ta’ ħbiberija
kbira, u hemmhekk miet fil-Kunvent tagħhom fl-20 ta’ Awwissu 1534. Il-figura tiegħu tibqa’ marbuta
mill-qrib mal-istorja tal-Imdina u r-Rabat, u għalhekk il-preżenza tiegħu fl-armar tal-festa ta’ San
Ġużepp għandha valur storiku u identitarju qawwi. Barra minhekk meta twaqqef uffiċjalment l-Ewwel
Banda tar-Rabat ħadet l-isem tiegħu.
Din l-istatwa artistika nħadmet mill-iskultur Malti Karmenu Mallia fis-sena 1913. Matul is-snin saru
diversi interventi ta’ manutenzjoni, iżda fl-aħħar sena twettaq restawr estensiv u xogħol ta’ induratura mill-induratur Arthur Vassallo, li reġa’ ta lill-opra d-dinjità u s-sbuħija oriġinali tagħha.

L-inawgurazzjoni uffiċjali se ssir nhar il-Ħamis 26 ta’ Frar 2026 fis-6.30 p.m. ġewwa Palazzo Falson, l-Imdina. Din l-attività ser tkun mument ta’ riflessjoni u ċelebrazzjoni tal-wirt storiku u artistiku, u hija miftuħa għall-pubbliku.
Nhar il-Ħadd 1 ta’ Marzu 2026 se jkun hemm mument ieħor storiku hekk kif l-istatwa monumentali
toħroġ b’marċ mill-Imdina lejn ir-Rabat. Jibda fl-10.30 a.m. minn quddiem Palazzo Falson, l-Imdina bis-sehem tal-banda tal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam.