Internazzjonali

Rob Jetten isir l-iżgħar Prim Ministru fl-istorja tal-Olanda

Il-Gvern ta’ minoranza fl-Olanda għadu kemm ħa l-ġurament tal-ħatra u meta Rob Jetten, issa, hu konfermat bħala l-iżgħar Prim Ministru fl-istorja tal-pajjiż, fl-età ta’ 38 sena.

Dan wara li l-Partit Demokratiku D66, f’Ottubru, kiseb rebħa minima fl-elezzjoni ġenerali — bir-riżultat ikun disfatta għall-politiku populista Geert Wilders, li jippromwovi politika anti-Iżlamika.

Jetten, intant, ifforma Gvern ta’ minoranza taċ-ċentru-lemin bl-inklużjoni tal-Partit VVD ( il-Partit tal-Poplu għall-Ħelsien u d-Demokrazija) u l-Alleanza Demokratika Kristjana.

Sadanittant, il-Kabinett ta’ minoranza mistenni jiffaċċja wkoll l-intoppi fil-ġejjieni.

Dan għaliex kwalunkwe riforma partikulari, skont il-ftehim għall-koalizzjoni, għandha tkun suġġetta għal votazzjoni fiż-żewġt ikmamar tal-Parlament Olandiż.

Il-votazzjoni għandha tapplika wkoll f’sitwazzjonijiet li jiddeterminaw issues bħal żidiet fil-baġit għad-difiża u tnaqqis potenzjali fl-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa.

Il-Koalizzjoni anki qed timplimenta r-regoli biex inaqqsu l-ammonti tal-barranin li qegħdin ifittxu l-kenn politiku fl-Olanda. Dan meta r-refuġjati, issa, se jkollhom japplikaw għall-kenn waqt li jkunu barra l-Ewreopa u mhux ladarba huma jidħlu fl-artijiet tal-kontinent.

L-immigrazzjoni marbuta mal-kenn politiku ilha s-snin kwistjoni sensittiva ħafna fost il-politiċi tal-Olanda… Fil-fatt, l-issue ikkontribwiet bil-kbir għall-kroll tal-aħħar żewġ Gvernijiet ta’ koalizzjoni f’dan il-pajjiż.