Lokali Qorti

Sentenza sospiża talli ffastidja lill-ġirien bi ħsejjes waqt xogħol ta’ rinnovazzjoni fid-dar

Raġel ta’ 50 sena minn San Pawl il-Baħar, Christopher Galea, ingħata sentenza ta’ disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li ffastidja b’mod sistematiku lill-ġirien tiegħu li jgħixu taħtu permezz ta’ storbju kontinwu u xogħol ta’ rinnovazzjoni li dam għaddej għal aktar minn sitt xhur.

Il-kawża nstemgħet quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, li osservat li l-imġiba tal-imputat kienet tikkostitwixxi kampanja sistematika ta’ fastidju li kkawżat tbatija reali lill-vittmi, koppja b’ tifla żgħira li tbati bl-awtiżmu.

Il-koppja ppreżentat 12-il paġna ta’ noti miktuba bl-idejn fejn iddokumentaw id-dati u l-ħinijiet tal-inkonvenjenzi, flimkien ma’ pendrive u kopja tal-timesheets tax-xogħol ta’ Galea minn żewġ impjiegi differenti. Ix-xhieda tal-mara kienet partikolarment sinifikanti, fejn irrakkontat episodju tas-6 ta’ Mejju 2024 meta, waqt li kienet qed tgħin lil bintha fix-xogħol tad-dar, Galea beda jħabbat tliet darbiet bis-siġġu mal-art tiegħu – li kienet is-saqaf tagħhom – f’dak li hi ddeskriviet bħala l-kulminu ta’ kollox.

Il-vittmi allegaw li l-fastidju kien intenzjonat u ripetut, u sostnew li l-imputat kien iġorr siġġijiet jew isaffar apposta meta jinduna li kien hemm dawl mixgħul fil-kamra tagħhom, bħallikieku jaf li kien hemm xi ħadd ġewwa.

Galea ammetta li wettaq rinnovazzjoni sħiħa tal-kamra tal-banju waħdu, proġett li beda fi Frar u spiċċa lejn l-aħħar ta’ Awwissu 2024. Huwa qal li kien “ħa l-affarijiet bil-mod” u sostna li d-djar Maltin huma mibnija b’tali mod li anke ħsejjes żgħar jinstemgħu mal-bini kollu. Minkejja li ngħata twissija uffiċjali mill-pulizija tal-Qawra fl-10 ta’ Mejju 2024, huwa kompla bix-xogħol, billi sostna li “kellu jsir” u li “kulħadd jagħmel xi ħoss”.

Il-Qorti kkritikat l-attitudni tiegħu bħala waħda egoistika u applikat il-prinċipju tal-“bonus pater familias”, jiġifieri l-istandard tal-persuna raġonevoli u responsabbli. Skont il-Maġistrat, persuna prudenti kienet jew tlesti x-xogħol kemm jista’ jkun malajr jew tikkomunika mal-ġirien biex tevita ħsejjes f’ħinijiet sensittivi, speċjalment meta jkun hemm tifla b’bżonnijiet partikolari.

Galea nstab ħati tal-akkuża ta’ fastidju, bil-Qorti tikkonkludi li kellu jkun konxju tat-tbatija li kien qed jikkawża, aktar u aktar wara l-intervent tal-pulizija. Madankollu, ġie lliberat minn akkużi relatati ma’ storbju billejl, peress li ma ġiex ippruvat li kien hu – u mhux martu – li kkawża dawk il-ħsejjes. Akkuża oħra dwar mużika qawwija minn amplifiers ġiet miċħuda wkoll, peress li l-liġi invokata kienet tirreferi għal strumenti mużikali u mhux għal għodod ta’ kostruzzjoni.

Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Protezzjoni għal sena li tipprojbixxi lil Galea milli jersaq lejn il-vittmi.