Lokali Qorti

Tabib tal-ħabs jallega ksur għal smigħ xieraq minħabba dewmien fil-proċeduri dixxiplinari kontrih fuq il-każ ta’ Erin Tanti

It-tabib tal-ħabs Christopher Cremona fetaħ protest ġudizzjarju kontra d-direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn qed jallega li d-dewmien fil-proċeduri dixxiplinari kontrih qed jikser id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ ġust.

Fil-protest ġudizzjarju mressaq kontra d-direttur tal-ħabs, it-tabib tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Christopher Cremona, sostna li qed jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji, problemi psikoloġiċi u “umiljazzjoni” kawża tas-sospensjoni tiegħu.

Cremona jinsab sospiż fejn qed jirċievi 80% tal-paga tiegħu minn meta, fis-17 ta’ Mejju, bdiet investigazzjoni tal-Pulizija marbuta mal-każ li fih il-qattiel ikkundannat Erin Tanti allegatament irnexxielu joħroġ l-isperma tiegħu barra mill-ħabs biex isir proċess ta’ fertilizzazzjoni in vitro (IVF) mhux awtorizzat.

Tanti, eks għalliem tad-drama, qed jiskonta piena ta’ 20 sena ħabs wara li nstab ħati tal-qtil ta’ Lisa Maria Zahra, tfajla ta’ 15-il sena li waqgħet minn fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli f’Marzu 2014. Huwa, flimkien mas-sieħba tiegħu Marisa Gallo u l-fundatur tal-isptar Saint James – it-tabib Josie Muscat, jinsabu akkużati li wettqu prokreazzjoni medikament assistita mingħajr awtorizzazzjoni, wara li Gallo nqabdet tqila.

Għalkemm Cremona mhux se jiffaċċja akkużi kriminali relatati mal-każ, huwa qed jiffaċċja proċeduri dixxiplinari fuq il-post tax-xogħol tiegħu fi ħdan il-Corradino Correctional Facility. Skont il-protest ġudizzjarju, huwa kien tqiegħed fuq ‘police bail’ li tneħħa fit-13 ta’ Ġunju meta l-Pulizija ma sabux bażi biex jitressaq il-Qorti.

Madankollu, ftit wara, id-direttur tal-ħabs Christopher Siegersma infurmah permezz ta’ ittra li s-sospensjoni tiegħu kienet se tibqa’ fis-seħħ sakemm jintemmu l-proċeduri dixxiplinari. Il-protest jgħid li bord dixxiplinari twaqqaf biss f’Awwissu u l-ewwel seduta saret fis-17 ta’ Novembru.

Wara oġġezzjoni proċedurali mressqa minn Cremona, il-proċeduri twaqqfu sabiex is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern, Joyce Dimech, tiddeċiedi dwar kif għandu jitmexxa l-każ. Sal-lum, skont il-protest, Cremona għadu mingħajr risposta.

L-avukati tiegħu, Lennox Vella u Alexandra Mamo, sostnew li d-dewmien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jiggarantixxu d-dritt għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli. Huma jargumentaw ukoll li l-proċeduri huma infondati u li s-sospensjoni hija sproporzjonata, filwaqt li jsostnu li f’każijiet simili fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi persuni oħra ma ġewx sospiżi.

Dr. Cremona qed iżomm lill-entitajiet imsemmija fil-protest responsabbli għal kull dannu li diġà sofra u għal dak li jista’ jinqala’, u ta terminu ta’ jumejn sabiex jingħata aġġornament dwar il-każ dixxiplinari tiegħu.