Lokali Qorti

Żagħżugħ jammetti ‘hit-and-run’ fis-Swieqi li ħalla l-vittma midrub serjament

Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Naxxar, Ruslan Maggi, ammetta quddiem il-Qorti li saq b’traskuraġni, tajjar żagħżugħ ieħor ta’ 16-il sena li kien qed isuq ir-rota fi Swieqi u telaq minn fuq il-post tal-inċident, u ħalla lill-vittma midrub fin-nofs tat-triq.

Skont informazzjoni li ħarġet fil-Qorti, l-inċident seħħ meta l-minorenni kien qed isuq ir-rota tiegħu fi triq prinċipali. Il-karozza misjuqa mill-akkużat allegatament laqtitu, bil-konsegwenza li t-tifel spiċċa mal-art u ġarrab ġrieħi serji, fosthom ġrieħi f’rasu wara li allegatament inkiser il-windscreen tal-vettura bil-ħabta.

Il-vittma nstab mal-art minn xufier ieħor li waqaf biex jagħti l-għajnuna. Ftit tal-ħin wara, Maggi rritorna fuq il-post bil-mixi u, skont ma ntqal fil-Qorti, għen lix-xufier l-ieħor u flimkien wasslu lit-tifel għand ommu. Ommu mbagħad ħaditu immedjatament l-isptar għall-kura meħtieġa.

Intqal ukoll li l-vettura involuta fl-inċident spiċċat moħbija f’garaxx li jinsab tliet sulari taħt l-art. Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ waqt li l-vittma kien qed jiġi operat, filwaqt li r-rota tiegħu nstabet aktar tard fl-inħawi.

Fit-trattazzjoni dwar il-piena, id-difiża talbet sentenza sospiża u sostniet li l-inċident kien wieħed sfortunat, filwaqt li allegat li l-vittma kien ħarab mir-residenza tal-familja u saq fi triq prinċipali. Ġie enfasizzat ukoll li l-akkużat kien lest jerfa’ r-responsabbiltà tal-għemil tiegħu.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, li se tagħti s-sentenza fil-jiem li ġejjin. Sad-data tas-sentenza, l-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa, jiddepożita €500 u jippreżenta garanzija personali ta’ €2,000.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Clive Abela, filwaqt li għad-difiża qed jidhru l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.