Dak li qed jiżviluppa f’dawn is-sigħat huwa bla preċedent.
Li mħallef sedenti fil-Qrati ta’ pajjiżna jagħmel akkużi gravissimi fuq Prim Ministru mhux biss huwa xokkanti imma juri wkoll f’liema stat jinsab pajjiżna llum.
Li dawk l-akkużi jinkludu allegazzjonijiet ta’ ndħil lill-ġudikatura u fid-deċiżjonijiet tal-imħallfin huwa aktar serju. L-ebda Ministru jew Prim Ministru ma għandu jindaħal fl-operat tal-Qrati.
Dan sostnieh il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’indirizz lin-Nazzjon dwar l-akkużi li għamel l-Imħallef Wenzu Mintoff dwar indħil lill-ġudikatura mill-Prim Ministru Robert Abela.
Alex Borg qal li l-Prim Ministru għandu ħafna xi jwieġeb u l-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna li Abela mill-aktar fis b’xi mod jgħidilna x’inhi r-risposta tiegħu għall-akkużi li qed isiru mill-Imħallef Wenzu Mintoff li bagħat ittra lis-Segretarju tal-Kabinett, lilu bħala PM, lill-President ta’ Malta u lill-Ministru għall-Ġustizzja fost l-oħrajn.
Għandu jwieġeb hux minnu li uża tattiċi ta’ bullying waqt li kien għaddej każ serju presedut mill-istess imħallef.
Għandu jwieġeb ukoll jekk hux minnu li kif qed jiġi allegat, kien aktar moħħu fil-flus milli fl-indipendenza tal-ġudikatura.
Iż-żewġ każi li ġew esposti fl-ittra tal-Imħallef, u li fihom l-istess Imħallef waqaflu, jikxfu r-raġuni vera għalfejn il-Prim Ministru ma jridx jikkunsidra lill-Imħallef Wenzu Mintoff għall-kariga ta’ Prim Imħallef. Għax l-Imħallef Mintoff waqaflu f’mill-inqas żewġ okkażjonijiet.
Fl-istess ittra, l-Imħallef saħanistra jakkuża lil Abela li hu preġudikat kontrih, u jgħid li Abela hu kompromess dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef u issa lanqas għandu jipparteċipa fid-deċiżjoni dwar min għandu jokkupa din il-kariga.
Huwa tal-mistħija wkoll dak li qed jintqal li sostna Robert Abela dwar il-ħatra ta’ missieru bħala President u dwar il-ħatra ta’ Joseph Azzopardi bħala Prim Imħallef.
Il-Kap tal-PN qal li issa għandna wkoll il-konferma kif verament din il-ħatra qed tintuża minn Abela bħala ballun politiku, bil-Prim Ministru jgħid li ma aċċettax li Wenzu Mintoff isir Prim Imħallef għax ikun qed jidher li qed iċedi għat-talba tal-Oppożizzjoni, għax in-nomina tiegħu ma tinżilx tajjeb mal-Laburisti ħorox u li qed jimmanuvra biex iħalli din il-ħatra għal wara l-elezzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Prim Ministru jwieġeb għal dawn l-akkużi mingħajr l-ebda dewmien.
Issa nafu verament min għandu għal qalbu l-bajda u ħamra, u min verament għandu għal qalbu l-interess nazzjonali u l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin, temm jgħid Alex Borg.
//= $special ?>

