Lokali Qorti

Allegata vittma oħra tiddeskrivi allegat sfruttament ġewwa burdell

Vittma oħra fil-każ kontra Fabio Vespa ta’ 41 sena, li jinsab akkużat b’kompliċità fit-traffikar tal-bnedmin u fit-tmexxija ta’ burdell xehdet quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech meta kompliet il-kumpilazzjoni fejn din spjegat kif hi u nisa oħra kienu jiġu trattati.

Il-mara Kolombjana qalet fil-Qorti li waslet Malta fis-sajf ta’ tliet snin ilu permezz ta’ aġenzija li tirrekluta nisa biex jaħdmu bħala “escort”. Spjegat li wara tilwima ma’ min kien imexxi l-aġenzija telqet mill-post fejn kienu jinżammu t-tfajliet u marret toqgħod f’lukanda.

Hemmhekk iltaqgħet ma’ raġel jismu Damiano, li dak il-lejl kien klijent tagħha. Skont ix-xhieda tagħha, huwa qalilha li ma kellux flus biex iħallasha iżda taha n-numru tiegħu u wiegħedha li jħallas aktar tard. Wara li rritornat lejn il-Kolombja, huma baqgħu f’kuntatt u huwa kien jibgħatilha flus u jitlobha tagħmel video calls bi ħlas.

Il-mara qalet li reġgħet ġiet Malta fi Frar 2024 wara li Damiano wegħedha li jikrilha appartament u jġibilha d-dokumenti meħtieġa biex taħdem bħala fattiga. Qalet li hu kien qal lilha, lil oħtha u lil zijitha li kien xtralhom il-biljetti tal-ajru, iżda aktar tard saret taf li dawn kienu tħallsu minn Vespa.

Meta waslu Malta qalilhom li d-dokumenti tax-xogħol tagħhom kienu għadhom ma ġewx ipproċessati. Minħabba dan, hija qalet li spiċċat terġa’ taħdem bħala escort. Allegat li kemm Damiano kif ukoll Vespa, li kien jippreżenta ruħu bl-isem “Paolo”, bdew jitolbuha persentaġġ mill-qligħ tagħha, kif ukoll ħlasijiet għall-kera tal-appartament u għall-ispejjeż tat-titjiriet. Skont ix-xhieda tagħha, l-ammont totali li taw liż-żewġt irġiel laħaq madwar €1,500.

Hija sostniet li hi u tfajliet oħra ma kellhomx triq oħra ħlief li jaħdmu fil-prostituzzjoni minħabba t-talbiet kontinwi għall-flus. Qalet ukoll li l-akkużat kien talab diversi drabi lilha u lil oħtha jagħmlu atti sesswali miegħu mingħajr ħlas, u kien jirrifjuta li jħallas billi jsostni li kien diġà ħallas il-biljetti tal-ajru tagħhom.

l-Kolumbjana qalet ukoll li meta kien jistaqsiha kienet tgħidlu biex iħallas bħal klijenti oħra, iżda hu kien jirrifjuta u jgħidilha li ma kellux għalfejn iħallas għax ħalsilha l-biljetti tal-ajru. Żiedet li meta darba riedet toħroġ għax kien jum għeluq sninha, l-akkużat irrabja ħafna.

Il-vittma rrakkontat li kienu jgħixu f’biża’ kostanti u xi drabi kienu jissakkru fil-kamra tas-sodda qabel jorqdu. Allegat ukoll li l-akkużat ħadilhom il-passaport u talab €700 biex jirritornahulhom. Meta mistoqsija dwar kif affettwatha l-esperjenza, hija qalet li kellha tqatta’ xhur f’xelter u ’l bogħod minn bintha, u li dan ħalla impatt psikoloġiku fuqha. Żiedet li kienet tibża’ toħroġ fit-toroq Maltin minħabba t-theddid allegat.

Fi tmiem is-seduta, id-difiża ressqet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat iżda l-Qorti ċaħdet it-talba. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Dorianne Tabone u John Spiteri flimkien mal-Avukat Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Vespa qed jidher assistit mill-Avukat Roberto Montalto, filwaqt li l-vittmi qed jidhru għalihom l-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana.