Wara li t-Times of Malta żvelat li l-Imħallef Wenzu Mintoff bagħat ittra ta’ ħames paġni lill-Kabinett, fejn talab fost l-oħrajn lil Robert Abela sabiex ma jkunx parti min-negozjati u d-deċiżjonijiet dwar in-nomina tiegħu bħala Prim Imħallef, il-ġurnal ppublika din l-istess ittra fl-intier tagħha.
Ittra li fiha l-Imħallef Wenzu Mintoff kiteb fost l-oħrajn li l-Prim Ministru prova juża tattiċi ta’ bullying waqt li kien għaddej il-każ serju ta’ Paqpaqli għall-Istrina – b’Wenzu Mintoff jfakkar lil Abela kif hu bħala ġudikant waqaflu. Dan fost aktar kwistjonijiet li ġew imsemmija fl-istess ittra.
Din hija l-ittra li ntbgħatet mill-Imħallef Wenzu Mintoff;
Lis-Segretarju tal-Kabinett tal-Ministri
20 ta’ Frar, 2026
Sur Segretarju,
Bil-ġurament tiegħi nikkonferma illi:
Il-Prim Ministru Dr Robert Abela għoġbu jibagħat għalija biex niltaqa’ miegħu fil-11 ta‘ Frar, 2026, għaliex qalli li għandna bżonn nitkellmu.
Għidtlu li s-sitwazzjoni preżenti hija waħda surreali ħafna għalija, b‘ismi li tfaċċa fil-media tal-Knisja, fejn ingħad li l-Oppożizzjoni m’għandhomx oġġezzjoni għalija u għal tliet persuni oħra jekk xi ħadd minnha jiġi maħtur bħala Prim Imħallef, imeta jien m’għandix l-appoġġ tiegħu. Qalli li jekk jagħmel lil xi ħadd mil-lista ta’ Newsbook, ikun qiegħed jidher li qed joqgħod għal dak li jiddettawlu tal-Oppożizzjoni. Qalli jekk jagħmel li xi wieħed minn dawk proposti mill-Oppożizzjoni jonqoslu l-appoġġ mad-‘diehards’ tiegħu, u jikber fl-istatura Alex Borg. Għidtlu li assolutament ma naqbilx miegħu li kariga importanti ta’ Prim Imħallef tibqa’ mdendla minħabba konsiderazzjonijiet partiġġjani, u li ma tiġix deċiża fuq il-mertu tal-persuni u ta’ x’inhu l-aħjar fl-interess tal-pajjiż. Għidtlu li huwa żbaljat wkoll fil-kalkoli partiġġjani tiegħu, li d-diehards tiegħu ser isibu xi problema bijja, għaliex ismi jgawdi l-appoġġ tal-Oppożizzjoni. Ghidtlu li wara kollox biex isir il-Prim Imħallef ġdid huwa meħtieġ l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra, u jekk jintlaħaq qbil fuq xi ħadd, il-mertu jkun taż-żewġ naħat, u mhux ta’ xi naħa jew oħra. Qalli li anki f’pajjiżi barranin jidħlu konsiderazzjonijiet partiġġjani f’dawn l-affarijiet.
Jien semmejtlu l-ħatra ta’ Dr George Abela bħala President tar-Repubblika, li ġie propost mill-Gvern ta’ dakinhar, u li kellu imbagħad ukoll l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, u la rebħet naħa u lanqas l-oħra, imma rebaħ il-pajjiż. Qalli li kien żball li Dr. Gonzi għamel lil Dr George Abela President.
Qalli li l-pjan tal-Oppożizzjoni huwa li jaħarqu l-erba’ ismijiet li semmew fi Newsbook, inkluż lili, u imbagħad joħorġu b’isem xi ħaddieħor li huma għandhom f’moħħhom, u semmili lil xi ħadd, u qalli li huwa ma jaqbilx ma’ dan l-isem għax għandu l-avukati kollha kontrih. Għidtlu illi jekk huwa veru li l-Oppożizzjoni ipproponew erba’ ismijiet biex jaħarquhom, why don’t you call their bluff, jekk skont hu dan huwa bluff. Jien bqajt ngħidlu għal kemm-il darba li ma naqbilx li f’din il-kwistjoni tant sensittiva, għandhom jidħlu konsiderazzjonijiet ta’ pika partiggjana.
Dr Abela qal li t-temperatura politika attwali hija waħda taħraq u li mhijiex serena, u li ma tippermettix li ssir din l-għażla issa, u li jippreferi li jħalli din il-kwistjoni għal wara l-elezzjoni li ġejja, li trid issir sa massimu ta’ Marzu tas-sena d-dieħla. Għidtlu li dan mhuwiex aċċettabbli għalija, u li nies bħali, b’li qed jipproponi hu, iċ-ċans tagħhom ma jiġi qatt. Imbagħad beda jgħidli biex nagħtih iċ-ċans jaħsibha, għax għadu ma ddeċieda xejn u l-bieb għadu miftuħ. U baqa’ jgħidli għal ma nafx kemm-il darba biex nagħtih ċans sal-elezzjoni li jmiss, u l-laqgħa spiċċat hemm.
Meta imbagħad komplejna bil-konverżazzjoni tagħna bil-Whatsapp filgħaxija, sabbatli ma’ wiċċi l-istess bieb li sa ftit sigħat qabel suppost li kien għadu miftuħ. Qalli li evita li jgħidli l-vera raġuni għalfejn jien qatt ma kont l-għażla tiegħu, biex ma jweġġgħanix, qal hu, u semma l-fattur tal-età u li jien ma fadallix żmien biżżejjed qabel nirtira sabiex inħalli impatt. Weġibtu li meta Dr Joseph Azzopardi ġie maħtur Prim Imħallef, kien għad fadallu l-istess żmien sa ma jirtira li għandi jien illum. Ir-risposta ta’ Dr Abela għal dan kienet li huwa ma kienx qabel mal-ħatra ta’ Dr Azzopardi bħala Prim Imħallef.
Iżda r-raġuni vera u proprja għalfejn Dr Abela qed joġġezzjona għalija, m’hija xejn minn dak li qalli waqt il-laqgħa tal-11 ta’ Frar, 2026, imma huma żewġ episodji li seħħew waqt li jien kont qed naqdi d-doveri tiegħi ta’ imħallef, u kelli nikkonfrontah u kont kostrett li nieqaflu fiż-żewġ okkażjonijiet.
Ftit xhur qabel ma Dr Abela ġie maħtur Prim Ministru, jien kont qed nisma’ sitt kawżi ċivili għad-danni li kienu għamlu 23 persuni vittmi tal-inċident ta’ Paqpaqli, li kien seħħ fuq ir-runway l-antika ta’ Ħal Farruġ. Dawn il-kawżi kienu ġew tranżatti u ċeduti, wara li ntlaħaq out of court settlement dwar il-kumpens li kellu jingħata lill-vittmi tal-imsemmi inċident. Dr Robert Abela kien l-avukat difensur ta’ wieħed mill-konvenuti f’dawn il-kawżi. Ftit tal-ġimgħat wara li kienu ġew ċeduti dawn il-kawżi, ġejt infurmat minn waħda mill-impjegati tal-Qorti li kienet taħdem fl-uffiċċju tiegħi, li Dr Robert Abela kien qiegħed jagħmel pressjoni kbira fuqha u fuq impjegati tar-Reġistru tal-Qorti, għaliex hija kienet intaxxat l-ispejjeż u ddrittijiet ta’ dawn is-sitt kawżi come ceduta, fuq punt ta’ dritt, ċjoé fuq il-minimu, għaliex f’dawn il-kawżi ma ġie llikwidat l-ebda ammont bħala danni, peress li l-ammont tal-kumpens kien ġie determinat barra l-Qorti. Bħala deputat parlamentari, Dr Abela kien għamel diversi mistoqsijiet parlamentari, sabiex jiġi żvelat l-ammont ta’ kumpens imħallas mill-Gvern u mill-kumpanniji tal-assikurazzjoni lill-vittmi ta’ Paqpaqli, bit-tama li huwa jitħallas skont il-valur totali tal-kumpens, u mhux fuq il-minimu come ceduta kif suppost. Id-differenza bejn taxxa fuq punt ta’ dritt u taxxa skont il-valur tad-danni, hija waħda sostanzjali, u timporta eluf ta’ Euro. Meta ma wasal imkien, Dr Abela baqa’ jagħmel pressjoni kbira fuq l-impjegati tal-Qorti, u beda jhedded lill-impjegata fl-uffiċċju tiegħi li kienet għamlet it-taxxa, illi kien ser keċċieha mix-xogħol jekk din ma tagħmilx dak li ried hu. Barra minn hekk Dr Robert Abela għoġbu jdaħħal lili direttament fil-kwistjoni, meta beda jinsinwa li jien kont kompliċi f’dan kollu mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, biex is-sitt kawżi jiġu ntaxxati fuq il-minimu, meta bħala avukat kien imissu jaf li l-ebda ġudikant ma jidħol fil-mod ta’ kif tinħadem it-taxxa tad-drittijiet u spejjeż ta’ kawża. Li ġudikant ikun kompliċi ma’ waħda mill-partijiet f’kawżi li jkunu qegħdin jinstemgħu quddiemu, hija waħda mill-iktar akkużi serji li jistgħu jsiru fil-konfront ta’ ġudikant. Imma għal Dr Abela aktar kienu importanti l-flus mill-indipendenza tal-ġudikatura.
Sadanittant Dr. Abela ġie maħtur bħala Prim Ministru, u ftit tal-ġranet wara kelli l-okkażjoni li niltaqa’ miegħu fil-bini tal-Qorti flimkien mal-ġudikanti l-oħra f’laqgha formali. Wara li spiċċat il-laqgħa, kellimtu rasimbras, u għidtlu li issa li ġie maħtur bħala Prim Ministru, ma stajtx inħalli din il-kwistjoni tibqa’ għaddejja u li kont inkwetat minħabba f’hekk. Għidtlu li mhux sew li kien hedded lil waħda mill-impjegati fl-uffiċċju tiegħi li kien ser ikeċċieha mix-xogħol. Għidtlu wkoll li kieku segwa b’attenzjoni l-mod ta’ kif jien iddiriġejt l-andament tas-sitt kawżi, kien imissu jaf kemm ma kontx kompliċi mal-President Coleiro Preca. Imma l-Prim Ministru Abela qalli biex ninsieha għax issa din aqua passata. Sa hawn iwassal is-sens ta’ rispett li għandu Dr Abela għall-ġudikatura u għas-saltna tad-dritt.
It-tieni episodju jittratta l-pubblikazzjoni li nħarġet mill-Partit Laburista mmexxi minn Dr Abela, fejn ħassejtni mhedded u oltraġġjat mhux ftit b’dak li nkiteb f’dan il-ktieb, l-aktar bil-gidba faħxija dwar membru tal-familja tiegħi li llum huwa mejjet, li ġie akkużat intortament li wettaq reat kriminali. Meta tlabt lil Dr Abela sabiex jirtira din il-pubblikazzjoni mill-ħwienet, ipprova jżommni bil-paroli. Qalli li s-Sensiela Kotba Soċjalisti (l-SKS) hija indipendenti mill-Partit Laburista. Qalli li meta ġie ppreżentat bil-ktieb, huwa ngħata biss il-qoxra tiegħu. Sussegwentement kelli nsir naf li n-numru tat-telefon u l-indirizz tal-SKS huma dawk tal-Kwartieri tal-Partit Laburista, u minkejja kollox, il-ktieb baqa’ jiġi reklamat fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista. Imbagħad tlabtu sabiex issir apoloġija pubblika dwar dan il-ktieb, u li l-proceeds mill-ktieb imorru għall-karità. Imma Dr Abela baqa’ jżommni bil-paroli, u lanqas dan il-ġest simboliku ma kien kapaċi jagħmel. Dakollu meta kien jaf li bil-pubblikazzjoni tal-Partit tiegħu, ġie oltraġġat u disprezzat imħallef sedenti u l-familja tiegħu, li ma seta’ jagħmel xejn pubblikament biex jiddefendi lilu nnifsu.
Għal dawn ir-raġunijiet, fejn huwa evidenti li Dr Robert Abela għandu konflitt ta’ interess ċar u li huwa preġudikat kontra tiegħi, qed nitlob li huwa jastjeni milli jieħu sehem fin-negozjati, fil-konsultazzjonijiet, fid-deliberazzjonijiet u fl-għażla tal-persuna li għandha sservi bħala Prim Imħallef ġdid.
Grazzi tal-attenzjoni.
Imħallef Lawrence Mintoff
Kopja lil:
L-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta;
L-Onor. Prim Ministru ta’ Malta;
L-Onor. Deputat Prim Ministru;
L-Onor. Ministru tal-Ġustizzja
//= $special ?>

