Internazzjonali

Erba’ snin minn meta r-Russja invadiet l-Ukrajna; Zelensky jindirizza l-Parlament Ewropew

“L-Unjoni Ewropea kienet mal-Ukrajna sa mill-bidu nett, dejjem favur is-sewwa u kontra l-agressjoni….ser nibqgħu naħdmu għall-paċi reali u dejjiema”

Kien dan il-messaġġ tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hekk kif ippresediet plenarja straordinarja fir-raba’ anniversarju mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna – erba’ snin karaterizzati minn konflitt kontinwu li ħalla eluf mejta u miljuni bla saqaf fuq rashom.

Tul din is-seduta, il-President Ukren Volodymyr Zelensky, għadda l-messaġġ tiegħu f’dan l-anniversarju – fejn saħaq li l-impenn Ewropew huwa mhux biss apprezzat mill-poplu Ukren, imma saħansitra jixhed wkoll l-mod kif l-Unjoni Ewropea kienet dejjem konsistenti; favur id-demokrazija u s-sovranità ta’ kull nazzjon, irrelevanti mill-kobor tiegħu.

Apparti min hekk Zelensky saħaq li l-forzi Ukreni qed jkomplu jżommu l-armata Russa milli tavvanza fil-kumplament tal-pajjiż – madanakollu l-għajuna u s-sostenn, tul dan il-kunflitt, jibqa’ essenzjali sabiex mhux biss tiġi ssalvagwardjata s-sovranità tal-poplu Ukren però anke l-istil ta’ ħajja Ewropea; mibnija fuq id-demokrazija u l-libertà.

Min naħa tagħha, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola – saħqet li d-dover Ewropew hu li jkompli s-sostenn għall-Ukrajna sabiex mhux biss tiġi ssalvagwardjata s-sovranità tal-Ukreni iżda anke l-integrità tal-istess Unjoni, li qed tgħix bi gwerra u theddidha fuq l-għatba tagħha.

Hi sellmet lill-Ukreni għar-reżiljenza li wrew tul dan il-kunflitt filwaqt li reġgħet appellat lill-poplu Ewropew sabiex ma jaqtax qalbu u jibqa’ jagħraf il-ħażin mis-sewwa. Waqt li assigurat wkoll għajnuniet oħrajn sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tkompli għaddejja.

Intant fil-jiem li ġejjin l-Unjoni Ewropea ser tkun qed tivvota fuq pakkett ta’ 90 biljun ewro f’sostenn għall-poplu Ukren.