Lokali Qorti

Ħati ta’ traffikar ta’ droga iżda il-Qorti kkunsidrat ir-rijabilitazzjoni tiegħu fil-piena

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, sabet lil Alan Caruana ta’ 46 sena miż-Żejtun ħati ta’ traffikar u pussess ta’ sustanzi illeċiti wara li evalwat kemm il-provi materjali miġbura mill-Pulizija kif ukoll l-istqarrija li kien ta waqt l-investigazzjoni.

Madankollu l-Qorti qieset il-fatt li Caruana mexa ‘l quddiem fil-ħajja tiegħu u għalhekk iddeċidiet li timponi ordni ta’ probation għal sentejn wara li sabitu ħati tal-imputazzjonijiet kollha marbuta ma’ traffikar u pussess ta’ droga, filwaqt li qieset li l-aġir kriminali tiegħu kien prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq sustanzi illeċiti.

Il-każ imur lura għall-5 ta’ Mejju 2016 meta uffiċjali tal-Pulizija, wara perjodu ta’ osservazzjoni, raw kuntatt suspettuż bejn l-imputat u persuna oħra f’Ħal Tarxien. Din il-persuna nstabet fil-pussess ta’ qratas li kien fihom kokaina u eroina.

Sussegwentement saret tfittxija fid-dar tal-imputat f’Żejtun fejn instabu miżien diġitali, materjal għall-ippakkjar, siringi, kuċċarina maħruqa u sustanzi li aktar tard ġew ikkonfermati bħala kokaina, eroina u cannabis, flimkien ma’ flus kontanti maqsuma f’mazzi separati.

L-espert forensiku kkonferma l-preżenza ta’ 1.60 grammi kokaina, 3.57 grammi cannabis u eroina f’forma ta’ paste. Il-Qorti qieset ukoll l-istqarrija tal-imputat, li fiha ammetta li kien ilu jbigħ droga għal perjodu qasir sabiex jiffinanzja l-vizzju tiegħu tal-eroina, li kien ilu jġarrab sa minn età żgħira.

Qabel ma daħlet fil-mertu, il-Qorti kellha tiddeċiedi dwar jekk l-istqarrija setgħetx tintuża bħala prova, fid-dawl tal-ġurisprudenza kostituzzjonali dwar id-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni. Wara li analizzat is-sitwazzjoni u l-fatt li l-imputat kien ġie informat bid-dritt tiegħu għal avukat qabel l-interrogatorju iżda għażel li ma jużahx, il-Qorti kkonkludiet li l-proċeduri kienu ġusti fl-intier tagħhom u li ma kienx hemm lok biex l-istqarrija tiġi eskluża.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-ħtija, il-Qorti sabet li l-provi juru li l-imputat kien involut f’attività ta’ forniment ta’ droga, anke jekk dan kien marbut direttament mal-finanzjament tad-dipendenza tiegħu. Madankollu, ingħatat importanza sostanzjali lill-fatt li matul il-proċeduri l-imputat daħal f’programm ta’ rijabilitazzjoni taħt il-Bord tar-Rijabilitazzjoni mid-Droga u temmu b’suċċess fl-2023.

Il-Qorti osservat li l-għan tal-liġi ma huwiex biss kastig iżda wkoll riforma u reintegrazzjoni, u għalhekk fil-kwantifikazzjoni tal-piena ħadet inkunsiderazzjoni kemm is-serjetà tar-reat kif ukoll il-progress li l-imputat għamel biex jegħleb id-dipendenza tiegħu. Is-sentenza finali tirrifletti bilanċ bejn id-deterrenza u l-opportunità għal bidla, b’messaġġ ċar li filwaqt li t-traffikar tad-droga jibqa’ reat gravi, il-qrati jistgħu jqisu ċ-ċirkostanzi personali u l-isforzi ta’ rijabilitazzjoni tal-ħati.

Fis-sentenza mogħtija, il-Qorti osservat li minkejja s-serjetà tar-reati taħt il-Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta u r-Regolamenti relatati, iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ juru li l-imġiba tal-imputat kienet marbuta direttament mal-vizzju tiegħu tad-droga.

Il-Qorti għalhekk qieset li piena ta’ priġunerija sospiża kienet tkun idonea, iżda fl-aħħar mill-aħħar għażlet li tapplika dispożizzjoni aktar riformattiva billi, ai termini tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, imponiet fuqu ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn.

Il-Maġistrat wissiet lill-ħati b’mod ċar dwar il-konsegwenzi legali jekk jikkommetti reat ieħor matul iż-żmien tal-probation, u fakkritu li jista’ jerġa’ jwieġeb għall-imputazzjonijiet li tagħhom instab ħati.

Barra minn hekk, ai termini tal-Artikolu 533 tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti kkundannatu jħallas l-ispejjeż relatati mal-ħatra tal-espert forensiku, ix-xjenzat Godwin Sammut, li jammontaw għal €284.64, li għandhom jitħallsu fi żmien xahar.

Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga u tal-oġġetti esebiti fil-proċeduri hekk kif is-sentenza ssir definittiva, taħt is-superviżjoni tar-Reġistratur li għandu jfassal proċess verbal dwar il-proċedura. Fl-istess ħin ġiet ordnata l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tas-somma ta’ €395.10 li nstabet fil-pussess tal-imputat, filwaqt li ġie ordnat ir-rilaxx tal-mobile phones esebiti fil-kawża lura lill-imputat.

Is-sentenza tirrifletti l-approċċ tal-Qorti li, filwaqt li tikkonferma l-ħtija fuq reati serji relatati mad-droga, tagħti piż sostanzjali lill-element ta’ rijabilitazzjoni u lill-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni soċjali tal-ħati. Għal Caruana deher l-Avukat David Gatt filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Malcolm Bondin.