Lokali Parlament

Il-familja għandha tibqa’ l-pedament tas-soċjetà

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna li lkoll naqblu li l-familja – fit-tifsira wiesgħa li nifhmu biha llum – hija l-pedament tas-soċjetà. L-esperjenza turina li fejn hemm familji b’saħħithom, hemm soċjetà b’saħħitha. Min-naħa l-oħra, l-istess esperjenza turina li fejn tiddgħajjef il-familja, allura l-istess soċjetà tiddgħajjef.

Hu qal li wieħed mill-aspetti sbieħ tal-familja hija l-għozza tat-tfal u li għaldaqstant, il-familja sservi bħala l-ewwel skola għat-tfal fejn huma jitgħallmu l-valuri prinċipali u fundamentali tas-soċjetà. Dan ifisser li jekk il-familja tonqos li toffri dan l-ambjent ta’ għozza u mħabba, allura diversi drabi l-esperjenza ta’ dawn it-tfal hija waħda negattiva li twassal diversi drabi għal tfulija mitlufa.

Skont l-istatstika tal-NSO fil-2024 kien hemm 2,334 żwieġ iżda fl-istess waqt kien hemm 672 separazzjoni u 524 divorzju. Għalkemm kull kaz ta’ separazzjoni jew divorzju għandu storja għalih u kull esperjenza hemm raġunijiet differenti imma fl-istess waqt l-aktar raġunijiet komuni huma minħabba kazijiet ta’ infedeltà u adulterju u jew dak ta’ abbuż.

Mhux l-ewwel darba lit-tfal jispiċċaw qishom ballun bejn il-ġenituri u koppja fejn dawn juzaw it-tfal biex jirbħu punti fuq il-partner tagħhom.

Filwaqt li xi drabi jista’ jkun hemm raġunijiet serji u validi biex it-tfal ma jmorrux għand ġenituri jew ieħor imma fejn dan mhuwiex il-kaz, allura l-ġenituri għandhom jifhmu li huwa fl-interess tat-tfal tagħhom li huma jkunu maż-żewġ ġenituri.

Dan huwa dak li jissejjaħ co-parenting fejn iż-żewġ naħat jifhmu li għalkemm l-istorja ta’ bejniethom spiċċat imma r-responsabbiltà u d-dmir ta’ ġenitur għandha hemm.

Filwaqt li ġenitur għandu dritt – sakemm ma hemm xejn li jfixkel dan – li jara lit-tfal tiegħu u tagħha imma fl-istess waqt għandu wkoll dmir li jagħmel dan. Kull ġenituri jibqa’ ġenitur ikun xi jkun il-kaz tiegħu.

Tajjeb li l-ġenituri jifhmu l-ħsara kbira li huma jkunu qegħdin jagħmlu lill-istess uliedhom meta huma jimpikaw ma’ xulxin.

Diversi spiċċaw b’vulnerabbiltajiet soċjali, fosthom addictions, propju għaliex kellhom tfulija mitlufha. Għalhekk li f’dan l-abbozz qiegħed ikun hemm proposta tal-avukat tat-tfal li jaħdem ma’ professjonisti oħra biex jaraw li dawn it-tfal ma jkollox trawmi li jimmarkaw ħajjithom kollha.

L-esperjenza u x-xjenza turina biċ-ċar li meta dawn it-tfal u l-adolexxenti jgħixu ta’ kuljum f’dan l-ambjent aggressiv, huma mmarkati għal ħajja kollha. L-effett li l-vjolenza domestika tħalli f’dawn it-tfal hija trawma, kemm fuq livell fiziku, fuq livell psikologiku u fuq livell mentali. Imma nemmen li ‘l hinn minn dawn it-trawmi kollha li semmejt, dawn it-tfal isofru wkoll minn effett ieħor li, xi drabi huma diversi li jagħzlu li ma jsemmgħux.

Għaliex hija l-vittma u wliedha li għandhom joħorġu mid-dar taghhom u jispiċċaw f’shelter li għalkemm id-diriġenti tax-shelters jippruvaw jagħtuhom il-komfort, imma shelter qatt ma jista’ jieħu post id-dar? Għaliex l-aggressur jibqa’ komdu d-dar, aktar u aktar meta jkun hemm diversi rapporti fuq l-aggressività tiegħu?

Nemmen bis-sħiħ, li huwa l-aggressur li għandu jħalli d-dar u mhux bil-kontra. Filwaqt li hemm qbil b’mod ġenerali fuq dan l-abbozz u dak li jgħid f’dan id-diskors tiegħi jinsab rifless f’dan l-abbozz, nemmen li fi statdju ta’ kumitat għandu jingħata aktar importanza fuq il-każi meta hemm vjolenza domestika u tfal.

Filwaqt li qed tingħata akar importanza li l-medjazzjoni hija opportunità wkoll li kif ser jingħataw għajnuna professjonali lit-tfal bħala sostenn lilhom, dan is-servizzi jingħataw ukoll lil kopja, speċjalment ‘anger managment’, closure issues u għajnuna psikoloġika oħra.

Allura wasal iż-żmien li min jiddeċiedi li jiżżewweġ ċivilment ikun offrut kors ta’ preparazzjoni f’interpersonal skills, communications skills, anger management u soft skills oħra meħtieg biex tgħix ma’ ħaddieħor.

Fiż-żwiġijiet reliġjużi diġà hemm dan is-servizz bil-korsijiet ta’ Kana iżda wasal iż-żmien li jkun hemm xi ħaġa simili f’ambitu ċivili.