Il-Ministri, u fuq kollox il-Prim Ministru, spiċċaw f’nofs kontroversja ġdida u bi pressjoni kbira fuqhom għall-fatt li fl-aħħar sigħat waslitilhom ittra iebsa mingħand l-Imħallef Wenzu Mintoff fejn allegatament wera d-diżappunt tiegħu li mhux qed jikkunsidrawh għall-kariga ta’ Prim Imħallef.
Dan ġie żvelat dalgħodu mill-ġurnal Times of Malta.
Skont is-sorsi ta’ din il-gazzetta, l-Imħallef Wenzu Mintoff qed jhedded li jieħu din il-materja quddiem il-Parlament, wara li fl-aħħar ġimgħat ġew illikjati xi ismijiet li l-Gvern qed jikkunsidra għal Prim Imħallef. Bil-Kap tal-PN Alex Borg qed jibqa’ jagħżel li jżomm din il-materja b’mod strettament kunfidenzjali – u qatt ma kkummenta fuq ismijiet.
It-Times qed tgħid li din il-korrispondenza li Wenzu Mintoff bagħat lill-Kabinett, waslet mill-email personali tiegħu.
L-email jidher li kienet twila xejn anqas minn ħames paġni.
Fil-komunikat mal-Prim Ministru u l-Ministri tiegħu, Wenzu Mintoff ma qagħadx lura milli jesprimi d-dwejjaq tiegħu għall-mod kif tmexxa dan il-proċess. B’sorsi jindikaw li saħansitra issemmew fatti li jmorru lura għall-perijodu meta hu kien jimmilita fil-Partit Laburista.
//= $special ?>

