Lokali Qorti

L-ARMS titlef nofs multa fuq meter tal-ilma

F’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Victor G. Axiak ġie deċiż li t-talba ta’ Automated Revenue Management Services Limited (ARMS) kontra Concetta Avallone għandha tiġi parzjalment milqugħa, iżda naqqset €1,500 mill-ammont mitlub minħabba nuqqas ta’ bażi legali għal multa relatata mal-meter tal-ilma.

Il-każ oriġina minn ittra uffiċjali maħruġa fl-2016 minn ARMS f’isimha u f’isem Enemalta plc u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li permezz tagħha ntalab ħlas ta’ €8,239.91 għal konsum ta’ ilma u elettriku, kiri ta’ meters, spejjeż amministrattivi u connection/disconnection fees fuq kont reġistrat f’isem il-mejta Mary Gatt, omm Concetta Avallone.

Avallone opponiet it-talba billi sostniet, fost l-oħrajn, li l-pretensjoni kienet preskritta, li l-proprjetà kienet ilha mibjugħa u anke mwaqqgħa, u li ommha kienet dejjem ħallset il-kontijiet tagħha qabel mietet fl-1999. Hija sostniet ukoll li l-ammont mitlub kien eċċessiv u mhux ġustifikat.

Il-proċeduri għaddew minn stadju ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Appell, li kienet annullat sentenza preċedenti u ordnat li l-eredi kollha jiddaħħlu fil-kawża u li l-każ jerġa’ jinstema’. Wara żviluppi proċedurali u sentenza parzjali dwar il-preskrizzjoni, il-kawża kompliet fuq il-mertu.

Il-Qorti osservat li l-kont tas-servizzi baqa’ reġistrat f’isem il-mejta u li qatt ma ngħata avviż bil-miktub lill-awtoritajiet dwar il-mewt tagħha jew dwar bidla fil-konsumatur, kif jeħtieġu r-regolamenti dwar il-provvista tal-elettriku u tal-ilma. Skont il-liġi, il-konsumatur ma jinħelisx mill-obbligu tal-ħlas sakemm ma javżax formalment lill-awtorità kompetenti.

Il-Maġistrat Axiak enfasizza li d-dejn relatat ma’ servizzi pubbliċi huwa obbligu personali u mhux marbut mal-proprjetà nnifisha. Għalhekk, mal-mewt tal-omm, l-eredi daħlu fiż-żarbun tagħha u saru responsabbli mhux biss għall-ammont li kien dovut sal-1999, iżda wkoll għal dak li kompla jakkumula wara, peress li ma sarx avviż formali ta’ waqfien jew trasferiment tas-servizz.

Madankollu, il-Qorti għamlet distinzjoni importanti bejn iż-żewġ multi imposti minn ARMS meta fl-2013 instab li l-meters ma kinux għadhom fuq il-post. Filwaqt li r-regolamenti dwar il-provvista tal-elettriku jippermettu multa ta’ €1,500 jekk meter ma jinstabx, ma teżisti l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti fir-regolamenti dwar il-forniment tal-ilma. Għaldaqstant, il-multa relatata mal-meter tal-elettriku kienet ġustifikata, iżda dik relatata mal-meter tal-ilma ma kellhiex bażi legali.

Il-Qorti għalhekk naqqset €1,500 mill-ammont oriġinali mitlub, u kkonfermat il-bqija tat-talba bħala dovuta. Ġie osservat ukoll li jekk ir-rikorrenti tħallas aktar mis-sehem tagħha bħala eredi, hija tista’ tfittex rimedju ta’ rivalsa kontra l-eredi l-oħra għall-kwota rispettiva tagħhom.

B’din is-sentenza, il-Qorti kkonfermat il-prinċipju li l-obbligi relatati ma’ kontijiet ta’ utilitajiet jibqgħu marbuta mal-konsumatur irreġistrat sakemm ma jsirx avviż formali ta’ bidla, filwaqt li fl-istess ħin saħqet li l-awtoritajiet ma jistgħux jimponu multi mingħajr bażi ċara fil-liġi.