Lokali Qorti

L-Imħallef Wenzu Mintoff jakkuża lil Robert Abela b’indħil fid-deċiżjonijiet tal-Imħallfin

Qed jibża' li jekk jaqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni, tkun qed tikber l-istatura ta' Alex Borg

L-ittra ta’ Wenzu Mintoff lil Robert Abela u lill-Kabinett tiegħu ħolqot rebus sħiħ fil-kurituri ta’ Kastilja – ittra li tikxef il-manuvri kollha li qed jagħmel il-Prim Ministru b’rabta mal-kariga tal-Prim Imħallef. Bil-MaltaToday tgħid li Abela jrid li jħalli din il-ħatra għal wara l-elezzoni ġenerali. Iżda agħar minn hekk, inkixef l-indħil ta’ Abela fuq l-operat tal-Qrati.

Skont informazzjoni maħruġa mill-istess ġurnal, l-Oppożizzjoni ressqet erba’ ismijiet għal Prim Imħallef. U Robert Abela qed jibqa’ jsabbat saqajh għaliex jemmen li jekk wieħed minn dawn jiġi nominat, ikun qed isaħħaħ l-istatura tal-Kap tal-PN Alex Borg.

Iżda imbgħad, ħarġu wkoll il-fatti vera għaliex Robert Abela ma riedx li jikkunsidra lil Wenzu Mintoff għal Prim Imħallef.

Il-MaltaToday qed tgħid li rat l-ittra iebsa mibgħuta mill-Imħallef Wenzu Mintoff fejn Robert Abela ġie akkużat li prova juża tattiċi ta’ bullying waqt li kien għaddej il-każ serju ta’ Paqpaqli għall-Istrina.

Wenzu Mintoff fakkar lil Abela kif hu bħala ġudikant waqaflu. Bl-Imħallef, fl-ittra li bagħat, jgħid lill-Prim Ministru li Abela kien aktar moħħu fil-flus milli fl-indipendenza tal-ġudikatura.

Ġie żvelat ukoll li fil-11 ta’ Frar saret laqgħa, fejn Wenzu Mintoff issejjaħ f’Kastilja. U kien propju hawn meta Robert Abela wissa lil Mintoff li ma kienx lest jilħaq qbil fuq isem preżentat mill-Oppożizzjoni. Biex eventwalment, Abela kien qabad u ħareġ l-isem ta’ Consuelo Scerri Herrera.

Xokkanti wkoll il-fatt illi issa, inkixef kif Robert Abela jaħsibha dwar il-pass li kien ittieħed meta missieru – George Abela – kien inħatar President. Hawn, Robert Abela stqarr ma’ Wenzu Mintoff li dan il-pass ta’ maturità politika “kien żball”. B’Wenzu Mintoff iwieġeb billi jesponi żewġ każijiet serjissimi fejn hu personalment kien waqaflu lil Robert Abela – u li din hija r-raġuni vera għaliex ma riedux fil-kariga ta’ Prim Imħallef.

Fil-fatt, apparti l-każ ta’ Paqpaqli, hemm ukoll każ ieħor relatat ma’ ktieb maħruġ mill-pubblikaturi SKS, fejn anke hawn Mintoff u Abela kellhom diżgwid kbir.