Lokali Qorti

Mhux ħati ta’ ksur ta’ Ordni ta’ Probation minkejja n-nuqqas li jagħti kampjuni tal-urina

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Dr Kevan Azzopardi sabet lil Nigel Dingli mhux ħati ta’ ksur tal-Ordni ta’ Probation, minkejja li ma kienx qiegħed iħalli kampjuni tal-urina meta mitlub mill-uffiċjal tal-probation. Il-każ għandu l-għeruq tiegħu f’sentenza mogħtija wara li Dingli ammetta li f’Diċembru tal-2020, f’garaxxijiet fi Triq l-Għabex, Birkirkara, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna oħra.

Dak iż-żmien il-Qorti kienet sabitu ħati u poġġietu taħt Ordni ta’ Probation għal sentejn. Skont il-kundizzjonijiet tal-ordni, Dingli kellu jobdi d-direttivi kollha tal-uffiċjal tal-probation, inkluż li jipprovdi kampjuni tal-urina meta mitlub, bħala parti mis-sorveljanza tiegħu.

Madankollu, l-uffiċjal tal-probation maħtur biex jissorveljah, Glen Grixti, ressaq denunzja quddiem il-Qorti fejn sostna li l-imputat kien qed jonqos milli jikkonforma ma’ din il-kundizzjoni. Matul il-proċeduri, li fihom il-prosekuzzjoni kienet immexxija mis-Supretendent Jonathan Ransley, il-Qorti semgħet ix-xhieda u rat id-dokumenti prodotti. L-uffiċjal tal-probation indika li din kienet l-unika problema li nqalgħet tul il-perjodu kollu tal-probation.

Min-naħa tiegħu, Dingli sostna li jsofri minn problema psikoloġika li ma tippermettihx jagħti kampjun tal-urina fil-preżenza ta’ persuni oħra. Biex isostni din il-pożizzjoni, huwa ppreżenta ċertifikati mediċi, fosthom rapport reċenti mingħand l-ispeċjalist Dr Joseph Spiteri.

Il-Qorti nnutat li d-denunzja kienet ġiet ippreżentata fit-2 ta’ Lulju 2025, madwar tliet xhur biss qabel ma kien se jiskadi l-perjodu tal-probation. Ġie osservat ukoll li l-problema kienet ilha teżisti, iżda ma kienx hemm biżżejjed żmien biex tinstab alternattiva prattika sabiex jiġi vverifikat b’mezzi oħra jekk l-imputat kienx qed josserva l-ordni.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qieset li, barra minn dan in-nuqqas, Dingli kien mexa mad-direttivi kollha tal-uffiċjal sorveljanti. Barra minn hekk, in-nuqqas li jipprovdi s-samples kien ġustifikat b’ċertifikati maħruġa minn speċjalisti fil-qasam.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ddeċidiet li ma ssibx lil Nigel Dingli ħati ta’ ksur tal-Ordni ta’ Probation u kkonfermat li ma kien hemm ebda bażi biex tittieħed azzjoni ulterjuri kontrih f’dan ir-rigward. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Jonathan Ransley.