Opinjoni

Opinjoni: L-ewwel sentejn tat-tfulija u sistema li qed tħalli lill-ġenituri mingħajr għażla

Kritika indirizzata għalkollox lejn sistema li ma tħalli lill-ġenituri l-ebda alternattiva

Victor Camilleri
Eks Editur ta’
In-Nazzjon u Il-Mument

Il-kummenti li saru dan l-aħħar mill-Isqof ta’ Għawdex dwar ir-realtà ta’ ħafna trabi li qed jiddaħħlu fiċ-childcare centres minn età ferm żgħira qanqlu diskussjoni pubblika wiesgħa.
Kienu kliem ċar u bla tlaqliq, li wasslu għal reazzjonijiet qawwijin minn naħat differenti. Iżda lil hinn mill-emozzjonijiet u l-polemika, il-messaġġ ċentrali jixraqlu ħsieb serju: x’inhu jiġri fl-ewwel sentejn tal-ħajja tat-tfal tagħna, u għaliex is-sistema qed tħalli ftit li xejn spazju reali għall-għażla tal-ġenituri?
Qabel kollox, hemm bżonn issir distinzjoni ċara u onesta. Din mhix kritika lejn iċ-childcare centres li qed jagħmlu xogħol tant siewi, b’livell għoli ta’ professjonalità u impenn. Lanqas ma hi b’xi mod ġudizzju fuq il-ġenituri, speċjalment dawk li, minħabba pressjonijiet ekonomiċi u soċjali huma kostretti jerġgħu lura għax-xogħol kmieni. Il-kritika hi indirizzata għalkollox lejn sistema li prattikament qed tħalli lill-ġenituri bla alternattivi u li qed tnaqqas mill-valur tal-preżenza tal-ġenitur fl-aktar fażi delikata tal-ħajja umana.

X’tgħidilna x-Xjenza
Ix-xjenza tal-iżvilupp tat-tfulija hi ċara ħafna dwar l-importanza tal-ewwel sentejn. F’dawn is-snin bikrin, il-moħħ tat-tarbija jkun qed jikber b’pass mgħaġġel ħafna. Meta nitkellmu dwar “konnessjonijiet newrali” nkunu qed nirreferu għar-rabtiet li jkunu qed jinbnew bejn iċ-ċelloli tal-moħħ. Dawn ir-rabtiet jissaħħu jew jiddgħajfu skont l-esperjenzi ta’ kuljum li tgħix it-tarbija – bħall-kuntatt fiżiku, il-kelma ġentili, it-tgħanniqa, u r-rispons emozzjonali li tirċievi. Dawn mhumiex affarijiet żgħar; huma l-bażi ta’ kif il-moħħ jitgħallem jaħdem.

It-teorija tal-attachments
Riċerka newroxjentifika turi li l-esperjenzi li jkunu konsistenti u li ġejjin mill-istess persuna għandhom impatt partikolarment qawwi. Hawn jidħol il-kunċett tal-persuna li tieħu ħsieb lit-tarbija b’mod prinċipali – normalment l-omm jew il-missier – jiġifieri dik il-persuna li tkun preżenti kuljum, li tifhem is-sinjali tat-tarbija u li twieġeb għalihom b’mod sensittiv. Din il-konsistenza tgħin lit-tarbija tiżviluppa sens ta’ sigurtà u stabbiltà.
Il-psikologu Ingliż John Bowlby, fundatur ta’ dik li l-professjonisti jsejħu “it-teorija tal-attachments, spjega li mill-ewwel xhur tal-ħajja t-tarbija tibda tifforma bond emozzjonali profond ma’ din il-persuna prinċipali. F’lingwa sempliċi, din il-bond hi r-rabta li permezz tagħha t-tarbija titgħallem jekk id-dinja hix post sikur, jekk il-bżonnijiet tagħha humiex se jinstemgħu u jekk tistax tafda lil min hemm madwarha. Minn din il-bond jibda jinbena l-pedament tal-fiduċja, tal-istabbiltà emozzjonali u tar-relazzjonijiet futuri.
Studji fit-tul jikkonfermaw li t-tfal li jiżviluppaw bond emozzjonali sikur mal-ġenituri tagħhom fl-ewwel snin ikollhom aktar kapaċità li jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom, ikunu aktar reżiljenti, u jiffurmaw relazzjonijiet soċjali aktar stabbli aktar ’il quddiem fil-ħajja. Min-naħa l-oħra, separazzjonijiet spissi, jew nuqqas ta’ konsistenza f’din il-fażi jistgħu jżidu r-riskju ta’ diffikultajiet emozzjonali u ta’ imġiba aktar tard.
Mhux ta’ b’xejn li bosta esperti fil-qasam tas-saħħa mentali u l-iżvilupp tat-tfal jirreferu għall-“ewwel 1001 jum” – mill-konċepiment sa madwar sentejn – bħala perjodu kruċjali li fih jitqiegħdu l-pedamenti tas-saħħa mentali u emozzjonali tul il-ħajja kollha. Din hi tieqa ta’ żmien li ma tirrepetix ruħha u li diffiċli ħafna tkun kumpensata aktar ’il quddiem.

Il-qalba tad-diskussjoni li nfetħet
Hawnhekk nerġgħu lura għall-qalba tad-diskussjoni li nfetħet. Jekk nafu dan kollu, għaliex is-sistema soċjali u ekonomika tagħna qed tagħmilha kważi impossibbli għal ħafna ġenituri biex ikunu preżenti b’mod sħiħ fl-ewwel snin ta’ wliedhom? Għaliex qed noħolqu realtà fejn il-valur tal-ġenitur jidher li jitkejjel primarjament bil-produttività ekonomika u mhux bil-kontribut emozzjonali u uman li jagħti lil uliedu?
Il-problema mhix iċ-childcare, imma li saret kwazi l-unika soluzzjoni strutturata offruta. Meta l-leave tal-ġenituri jkun limitat, meta l-pagi ma jħallux spazju għall-għażla, u meta l-flessibbiltà tax-xogħol tkun minima, l-għażla ma tibqax waħda vera iżda ssir obbligu moħbi, aċċettat bħala normali.

Bżonn ta’ bidla fil-mod kif naħsbu u nippjanaw
Jekk irridu nimxu ’l quddiem bħala soċjetà li tassew tqis il-ġid tat-tfal, hemm bżonn ta’ bidla fil-mod kif naħsbu u nippjanaw. Xi passi konkreti għall-mod ’il quddiem jistgħu jinkludu:
■ L-ewwel, leave tal-ġenituri aktar estiz u flessibbli, imqassam bejn l-omm u l-missier, biex il-preżenza tal-ġenitur fl-ewwel snin tkun realistikament possibbli.
■ It-tieni, mudelli ta’ xogħol aktar flessibbli bħax-xogħol part-time jew ‘remot’ mingħajr penalizzazzjoni finanzjarja jew professjonali.
■ It-tielet, politika soċjali li tagħraf u tapprezza l-valur tal-kura fil-familja, mhux biss dik istituzzjonalizzata.

Din mhix kwistjoni ta’ ġudizzju imma ta’ viżjoni. X’tip ta’ soċjetà rridu nibnu? Waħda li tiffunzjona biss fuq skedi u produttività, jew waħda li tinvesti bis-serjetà fil-bnedmin tagħha mill-bidu nett tal-ħajja?
Id-diskussjoni li nfetħet f’pajjiżna grazzi għall-osservazzjonijiet tal-Isqof ta’ Għawdex, għandha tkun opportunità biex nerġgħu npoġġu lit-tfal u lill-familji fiċ-ċentru tad-diskussjoni u tad-deċiżjonijiet tagħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 24 ta’ Frar, 2026.