Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Biex sistema demokratika taħdem għandha numru ta’ mekkaniżmi legali neċessarji li jikkontrollaw biex jiggarantuha. Il-fatt li l-Istat għandu l-poteri tiegħu mhux f’id waħdanija bħal fi żmien il-monarkija imma maqsuma fi tliet partijiet iservi proprju għal dan. Jekk ngħixu f’demokrazija ma jistax ikun permess li min jiġi elett f’elezzjoni jaħseb li jista’ jkollu kollox f’idejh. Huwa wkoll irid ikun sottomess għal-liġijiet u jirrispettahom. Jobdihom u ma joħroġx minnhom. Anzi, josservahom.
Dan mhuwiex dejjem faċli, għax il-karattri huma differenti. Imma meta xi ħadd fil-poplu jidhirlu li nqabżet il-linja allura hemm il-Qrati, u ħafna drabi hija l-Qorti Kostituzzjonali li tisma’ u tiddeċiedi jekk il-fatt ikunx minnu. Dan fil-fatt huwa l-eżami li jipprova jekk hemmx jew le sistema demokratika f’poplu.
Qorti Suprema
Il-Qorti Suprema fl-Istati Uniti tal-Amerika għandha f’dan tradizzjoni, esperjenza u awtorità sabiex tikkontrolla dak li huwa kontra l-Kostituzzjoni. Sistema maħluqa hekk mill-bidu u li ħadmet, u minn dak li qed naraw qegħda taħdem. Hemm ebda President, b’saħħtu kemm jista’ jkun b’saħħtu politikament, ma għandu poteri assoluti, imma għandu biss dawk li l-Kostituzzjoni tagħti.
Dan il-punt ħareġ iktar ċar b’dak li ddikjarat din il-Qorti f’sentenza nhar l-20 ta’ Frar fil-kawża fl-ismijiet ‘Learning Resources inc et al vs Trump’. Hemm ingħad li l-liġi magħrufa bħala International Emergency Economic Powers Act 1977 ma tippermettix lill-Presidenza li toħroġ it-tariffi li nħarġu. Avolja l-Qorti hija magħmula minn persuni fil-liġi li wħud minnhom ġew maħtura mill-President attwali, xorta, kif inhuwa dmirhom, waslu għal din il-pożizzjoni.
John Roberts (1955)
Il-Prim Imħallef John Roberts, flimkien ma’ sitt imħallfin, spjegaw li: “The President asserts the extraordinary power to unilaterally impose tariffs of unlimited amount, duration, and scope. In light of the breadth, history and constitutional context of that asserted authority, he must identify clear congressional authorization to exercise it.” (Il-President jasserixxi l-poter straordinarju u unilaterali li jimponi tariffi f’ammonti bla limitu, tul jew skop. In vista tal-wisa’, tal-istorja u l-kuntest kostituzzjonali ta’ dak il-poter dikjarat, huwa jrid jidentifika b’mod ċar l-awtorizzazzjoni tal-Kungress biex jeżerċitah.)
Punt legali dirett, ċar u loġiku f’sistema demokratika li jiggwida lil kulħadd, hu min hu, fir-responsabbiltà tal-poter. Wieħed li jiftaħ għajnejna fuq il-vantaġġi kbar tas-sistema demokratika.
L-ewwel: il-kontroll legali neċessarju li jżomm kull forma volontarja jew involontarja, intenzjonata jew traskurata ta’ abbuż ta’ poter. It-tieni: id-dmir tal-lealtà lejn l-Istat li anke jekk il-maġġor parti tal-imħallfin kienu kkunsidrati pro-Repubblikani, xorta waslu għall-konklużjoni ta’ dak li jidhrilhom li huwa legalment sewwa. Fil-Qrati li jridu jkunu serji, il-politika partiġjana m’għandhiex piż.
Il-garanzija
Fil-fatt din is-sentenza hija parti minn oħrajn li ġejjin imma li fiha konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u legali. F’dan, għalhekk, wieħed irid jagħraf iktar kemm bħala prinċipju ġenerali huwa importanti li s-sistema titħaddem sew. U huwa proprju f’dawn il-mumenti li trid twieġeb. Turi li qed tilqa’ l-isfida u tirreaġixxi biex tafferma l-eżistenza tagħha. Forsi f’dan kien ikun wisq aħjar kieku l-istess President, wara s-sentenza, m’attakkax lill-istess Qorti. Iżda anki jekk dan huwa minnu, il-fatt jibqa’ li kull min għandu l-poter politiku f’idejh huwa f’interess tiegħu li jkollu lil min jgħidlu ‘le’.
L-Oppożizzjoni, għalhekk, hija garanzija sabiex l-Istat jimxi ’l quddiem u jżomm lill-Gvern f’postu f’dak li jkun qiegħed jagħmel. Anzi huwa fl-interess tal-Gvern stess li l-Oppożizzjoni tkun hemm u titħalla taħdem b’aktar riżorsi.
Pietro Melograni (1930-2012)
Fil-ktieb tiegħu li qiegħed naqra b’intress, Fascismo, comunismo e rivoluzione industriale (1984), l-awtur janalizza fid-dettall dawk l-esperjenzi.
Ma jitlaqx minn dak li jgħid ħaddieħor imma minn qari fit-tul ta’ diversi dokumenti li oħrajn jidher li ma rawx.
Fl-ewwel parti tal-ktieb jeżamina l-Faxxiżmu u t-tmexxija ta’ Benito Mussolini (1883-1945) u kemm, mid-dokumentazzjoni li sab, dan kellu diffikultà biex jieħu deċiżjoni. Kemm fil-fatt ried jidher li huwa dak li kien qiegħed ibiddel u kemm kien kapaċi f’dan, mentri diversi kitbu li ma kienx. Anzi kien jaqbel ma’ kulħadd, u anki jekk l-opinjonijiet kienu opposti, kien jispiċċa jimxi fuq l-aħħar waħda.
Kemm f’dan kien jidher ċar li fil-fatt inqata’ mir-realtà li ried jifhem minflok lid-diversi infurmaturi li kellu, li ħafna drabi ma kinux veritieri.
Beda tajjeb
Inħatar bil-ħsieb li l-Italja kellha bżonn ta’ mexxej mibgħut biex isalva. Luigi Einaudi jiddikjara: “Si credeva che l’uomo forte, l’uomo sapiente, avrebbe salvato il paese.” (Kienu jaħsbu li l-bniedem b’saħħtu, l-għaref, kien ser isalva l-pajjiż.) Proprju wara li f’dan ix-xenarju laħaq l-Awtur, fil-fatt ifakkarna kemm kien hemm dawk, senjatament fid-dinja Ingliża, li fil-bidu ammirawh.
Kif Lord Curzon, fl-1923 kien iddikjara li Mussolini kien: “… un uomo di meravigliosa energia e dal pugno di ferro.” (… bniedem mimli b’enerġija u b’id tal-ħadid.) Inkella Winston Churchill, li ddikjarah hekk: “… il più grande legislatore vivente.” (… l-ikbar leġiżlatur taż-żmien.) Inkella Sigmund Freud, li fl-1933 bagħatlu ktieb u kitiblu: “A Benito Mussolini, con il saluto devoto di un vecchio che, nel detentore del potere, riconosce l’eroe della ċiviltà.” (Lil Benito Mussolini, b’tislima devota ta’ xiħ lejn dak li għandu l-poter f’idejh, li jagħrfu bħala l-eroj taċ-ċiviltà.) Tifħir kbir, ċertament, imma li fil-fatt ma kien xejn minnu.
Direzzjoni
L-istorja wriet proprju kemm dan kollu ma kienx minnu u kemm, anke jekk saru distinzjonijiet bejn il-Faxxiżmu u l-kult ta’ Mussolini, xorta l-proġett politiku sħiħ tiegħu falla sew. Melograni jipprova janalizza r-raġunijiet tad-deklin. Fosthom il-fatt li l-alleanza man-Naziżmu biddlet wisq il-karattru tagħhom, kif ukoll li l-liġijiet razzjali kienu dejqu wisq lill-poplu. Ma’ dan ukoll, in-nuqqas ta’ suċċessi li kellu, li ġew moħbija u li Radio Londra kien ixandar. Analiżi u lista twila.
Però fil-fatt naħseb li l-punt determinanti, dak deċiżiv, jibqa’ dak marbut mal-qtil tal-politiku Soċjalista Giacomo Matteotti (1885-1924). Dak id-deputat li kien vuċi qawwija ta’ oppożizzjoni. L-effett ġieb effettivament it-tmiem tad-demokrazija li kien hemm. Il-politiċi li jiddeċiedu li jsiru dittaturi, jew forma tagħhom wara li jiġu eletti f’elezzjoni ġenerali, jiżbaljaw kif ma jibqgħux jirrispettaw is-sistema demokratika.
F’dan dejjem proprju s-sistema tipprova lilha nfisha kemm tkun kapaċi, reżiljenti biex tikkontrolla meta l-arroganza politika titla’ f’ras il-mexxejja.
Determinanti
F’dawn is-snin twal ta’ eżistenza, wieħed ma jistax ma jaċċettax li d-demokrazija hija l-aħjar sistema politika biex tmexxi poplu. Iktar u iktar meta min iservi fiha jifhem li għandu dmir li jwettaq ħidmietu fl-ispirtu liberu tal-liġi. Il-bnedmin li jintgħażlu jservu l-Kostituzzjoni u mhux ir-rieda politika ta’ min ħatarhom.
Din hija l-lezzjoni importanti li rridu nsegwu anki hawn. Għażliet mhux li jidhru apparentement konvenjenti, imma iktar dawk li jwettqu s-sewwa u li jirrispettaw l-ispirtu demokratiku fil-liġijiet kostituzzjonali. Lezzjoni li tgħodd għal kull pajjiż. Waħda li għandna nifhmu li nistgħu nirbħu biss jekk insegwu l-linja demokratika.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 24 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

