Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, sabet lil Joseph Camilleri ta’ 54 sena ħati ta’ pussess illegali ta’ mediċina perikoluża għall-użu personali tiegħu waqt li kien qed jiskonta piena fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u imponiet fuqu sentenza ta’ seba’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u multa ta’ €200.
Il-każ imur lura għall-25 ta’ Settembru 2010 meta, waqt spezzjoni ta’ sorpriża fiċ-ċella numru 129 f’Diviżjoni 3 tal-ħabs, instabu fil-but tal-qalziet tal-imputat 24 u nofs pillola Dihydrocodeine ta’ 60mg u 28 pillola Noctamid (Lormetazepam) ta’ 10mg. L-analiżi tal-espert farmaċewtiku kkonfermat li s-sustanzi huma kkontrollati bil-liġi taħt il-Kapitoli 101 u 31 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Il-Qorti kellha tiddeċiedi wkoll dwar il-valur probatorju tal-istqarrija li l-imputat kien ta lill-Pulizija fl-2010, meta dak iż-żmien ma kienx igawdi d-dritt li jkun assistit minn avukat waqt l-interrogazzjoni. Wara li għamlet referenza estensiva għall-ġurisprudenza tal-qrati lokali u tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Maġistrat Farrugia Frendo ddeċidiet li ma tistrieħx fuq dik l-istqarrija u għalhekk eskludietha mill-provi.
Fuq il-mertu, il-Qorti osservat li għalkemm il-kwantità ta’ pilloli setgħet tqajjem suspett, ma tressqitx prova ċara li l-imputat kellu l-intenzjoni li jittraffika jew iqassam is-sustanza. Fid-dawl tal-fatt li d-droga kienet f’borża waħda u li l-imputat kien jinsab f’ċella waħdu, id-dubju kellu jmur favur tiegħu. Għaldaqstant instab ħati mhux ta’ pussess aggravat, iżda ta’ pussess sempliċi għall-użu personali.
Instab ħati wkoll tat-tieni imputazzjoni, jiġifieri li daħħal jew kellu oġġetti pprojbiti fil-ħabs waqt li ma kienx uffiċjal jew impjegat tal-faċilità. Madankollu ġie illiberat mit-tielet imputazzjoni ta’ reċidiva, peress li l-prosekuzzjoni ma esebitx kopji awtentiċi tas-sentenzi preċedenti biex tipprova l-allegazzjoni.
Fil-kunsiderazzjonijiet dwar il-piena, il-Qorti ħadet nota tal-fedina penali estensiva tal-imputat li tinfirex fuq 39 paġna, iżda tat piż sostanzjali lill-fatt li l-imputat kien ilu snin dipendenti fuq id-droga u li r-reat kien marbut direttament ma’ dik id-dipendenza. Ġie kkonstatat ukoll li sussegwentement huwa temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga quddiem il-Bord ta’ Rabilitazzjoni skont il-Kap 537.
Għalhekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(7) tal-Kap 537, il-Qorti ddeċidiet li ma tapplikax it-terminu minimu mandatorju ta’ priġunerija u minflok imponiet piena ta’ seba’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar, flimkien ma’ multa ta’ €200. Barra minn hekk, l-imputat tqiegħed taħt Ordni ta’ Superviżjoni għal sentejn taħt Uffiċjal Sorveljanti.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-imputat iħallas €376.21 fi spejjeż relatati mal-ħatra tal-espert u li d-droga esebita fl-atti tinqered. Il-Maġistrat wissiet lill-ħati li jekk jikkommetti reat ieħor punibbli bi priġunerija matul il-perjodu operattiv tas-sospensjoni, is-sentenza tista’ tidħol fis-seħħ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit.
//= $special ?>

