Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, ikkundannat lil Daniel Templeman ta’ 40 sena, għal piena ta’ sitt xhur priġunerija sospiżi għal erba’ snin wara li sabitu ħati tal-imputazzjoni miġjuba kontrih dwar l-aggressjoni fuq anzjan, iżda ddeċidiet li l-offiża volontarja kienet skużabbli fiċ-ċirkostanzi tal-każ.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li waslet għall-konklużjoni li Templeman mill-Gżira kien responsabbli għall-imġiba tiegħu, għalkemm qieset li l-offiża kellha elementi li jagħmluha skużabbli. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin kontra Templeman favur il-vittma u l-familjari tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin. Ġie ordnat ukoll li l-Ordni ta’ Trażżin tiġi nnotifikata lill-parti leża u li s-sentenza, flimkien mal-ordni, tiġi kkomunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Qorti ordnat ukoll li Templeman iħallas €300 bħala spejjeż peritali. F’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, dan l-ammont jista’ jiġi konvertit f’terminu ta’ priġunerija skont il-liġi. Templeman instab ħati li nhar il-21 ta’ Awwissu 2020 ikkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq l-anzjan, ta’ 70 sena, waqt argument li seħħ fil-bitħa ta’ Marshall Courts, fi Triq Sliema, il-Gżira.
Mill-provi rriżulta li l-argument beda meta l-anzjan kien qed jipparkja l-vettura tiegħu u qamet tilwima verbali bejn iż-żewġ irġiel. Skont il-verżjoni tal-vittma u x-xhieda miġbura, Templeman tah daqqa ta’ sieq fl-istonku li waqqgħu mal-art, u aktar tard reġa’ aggredieh.
L-anzjan spiċċa l-isptar u minn rapport mediku ppreżentat fil-Qorti rriżulta li sofra diżabilità permanenti ta’ 10% relatata ma’ ġrieħi f’dahru, kif ikkonferma l-espert maħtur mill-Qorti, Massimo Abela. Id-difiża sostniet li Templeman aġixxa f’leġittima difiża, billi allegat li l-vittma kien ipprova jagħtih daqqa ta’ ponn u minflok laqat lil martu.
Madankollu, il-Qorti rrimarkat li l-imputat kien daħħal il-kelb ġewwa u seta’ evita kull konfront, iżda minflok għażel li jerġa’ joħroġ u jkompli l-argument. Għalhekk ikkonkludiet li l-aggressjoni ma kinitx inevitabbli u ma setgħetx titqies bħala każ ta’ difiża leġittima.
Il-Qorti analizzat ukoll l-argument ta’ provokazzjoni mqajjem mid-difiża, iżda sabet li ma kienx hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi biex l-aġir jitqies skużabbli. Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Daniel Templeman ħati tal-akkuża li mingħajr ħsieb li joqtol jew iqiegħed il-ħajja tal-vittma f’periklu ċar, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq il-vittma.
//= $special ?>

