Lokali

Terġa’ tirxoxta l-wegħda ta’ sptar tas-saħħa mentali – PN

Is-saħħa mentali u l-persuni li għandhom sfidi f’dan il-qasam huma l-aħħar vittmi tas-silly season ta’ Robert Abela.

Dan intqal mill-PN, fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Ian Vassallo u Stephen Spiteri wara dak li qal il-Prim Ministru fl-aħħar jiem.

Ftit tax-xhur ilu meta Robert Abela reġa’ rxoxta l-wegħda tal-metrò wara li kien qal li din mhix fattibbli, il-Ministru tal-Finanzi tiegħu ddeskrivieha bħala riżultat tas-silly season għax riesqa l-elezzjoni.

Issa Robert Abela reġa’ rxoxta wegħda li l-Partit Laburista għamel fl-aħħar żewġ manifesti elettorali tiegħu u li wkoll kien difen għalkollox – dik li jinbena sptar ġdid għall-kura mentali.

Tant kien indifen dan il-pjan li l-Gvern ta’ Abela kien għażel li minflok jibni l-isptar qrib Mater Dei li kien ilu jwiegħed is-snin, jiżviluppa xi wards f’Mater Dei stess biex iservu għall-kura tas-saħħa mentali.

Wara li għaddew iż-żmien bin-nies fl-2017 u fl-2022, jidher li din il-wegħda se terġa’ tkun copy and paste fuq il-manifest elettorali li jmiss tal-Partit Laburista.

Huwa tal-mistħija li l-Labour qed ikompli jittratta lil kollox u lil kulħadd biss bħala vot. Issa hu ċar daqs il-kristall, li minkejja l-ħafna paroli u l-ħafna flus il-poplu li qed jintefqu fuq PR, is-saħħa mentali mhix prijorità għal dan il-Gvern. Evidenza ta’ dan ukoll  hija t-telqa li tħalla fiha l-Istpar Monte Karmeli.

Is-saħħa mhijiex ċajta u m’għandhiex tkun vittma tas-silly season biex Gvern li ma wettaqx  għal darba, darbtejn jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter. In-nies ħaqqhom ferm aħjar.