Lokali Qorti

Tixhed dwar kundizzjonijiet stretti u pressjoni kontinwa fuq allegat traffikar uman għall-prostituzzjoni

Allegata vittma oħra ta’ prostituzzjoni sforzata qalet li ma tant kellha esperjenza sabiħa meta kienet tgħix f’san Ġiljan f’kundizzjonijiet stretti u pressjoni kontinwa. Quddiem il-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ tliet nisa Kolumbjani mixlija bi traffikar uman għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, bi tmexxija ta’ burdell u ħasil ta’ flus.

Janice Jasbeth Ramirez Cummings, ta’ 31 sena mill-Panama u l-Kolumbjani Karen Dayanna Pineda Caicedo, ta’ 28 sena, u Silvia Juliana Jinete Vega, ta’ 31 sena, qed jiċħdu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom.

Waqt is-seduta xehdet vittma oħra li qalet li waslet Malta fid-29 ta’ Novembru għal btala ta’ madwar xahar. Hija rrakkuntat li kienet qed tgħix f’dar f’San Ġiljan li kienet ġiet mgħarrfa biha minn mara Kolumbjana magħrufa lilha bħala “Claudia”, isem fittizju.

Ix-xhud spjegat li meta waslet fid-dar innutat li kien hemm numru kbir ta’ tfajliet jgħixu flimkien u li ma kienx hemm biżżejjed sodod, tant li kellha torqod ma’ żewġ tfajliet oħra fl-istess sodda. Qalet li ma kellhiex spazju fejn tqiegħed l-affarijiet personali tagħha u li l-bagalja kienet tinżamm fil-kuritur.

Żiedet li kienet qed tistenna kundizzjonijiet ferm aħjar minn dawk li sabet. Hija xehdet li fid-dar kien hemm regoli stretti, fosthom li ma setgħetx toħroġ meta trid u kellha titlob permess biex toħroġ għal mhux aktar minn tliet sigħat.

Skont il-verżjoni tagħha, dan il-permess seta’ jiġi miċħud jekk tfajla oħra tkun diġà talbet biex toħroġ, peress li t-tfajliet kienu mistennija jibqgħu disponibbli kontinwament biex joffru servizzi sesswali lill-klijenti. Qalet ukoll li qatt ma ngħatat ġurnata mistrieħ u kienet mistennija tkun disponibbli 24 siegħa kuljum.

Mitluba tidentifika lill-akkużati, ix-xhud ikkonfermat li kienu l-istess nisa preżenti fuq il-bank tal-imputati u li fid-dar it-tfajliet kienu jirreferu għalihom bħala “l-ommijiet”. Hija rrakkuntat li s-servizzi kienu jsiru kemm fid-dar kif ukoll barra, inkluż f’lukandi jew djar privati. F’ċerti każijiet, qalet li kienet tiġi mħeġġa tħaffef biex tlesti malajr kemm jista’ jkun, anke fi żmien ta’ 15-il minuta, u li kien hemm pressjoni kontinwa dwar il-pagamenti.

Skont ix-xhieda tagħha, il-klijenti kienu jħallsu madwar €200 fis-siegħa għal servizz sesswali, kif ukoll bejn €10 u €45 għal trasport. Meta l-ħlas kien isir fi flus kontanti, hija kienet tagħtih immedjatament lill-akkużati meta tirritorna d-dar. Qalet li kienet tingħata nofs l-ammont, wara li jitnaqqsu €20 fil-ġimgħa bħala ħlas għat-tindif.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi John Spiteri, Dorianne Tabone u Marshal Mallia flimkien mal-Avukati Charmaine Abdilla u Etienne Savona. Għal parte civile qed jidhru l-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana, filwaqt li l-akkużati qed ikunu assistiti mill-Avukati Franco Debono, Charles Mercieca u Herman Mula. Il-kumpilazzjoni tal-provi tkompli fil-jiem li ġejjin.