Tliet żgħażagħ Għawdxin li nqabdu b’eluf ta’ kontenituri ta’ nitrous oxide fir-reġjun ta’ Savoy fi Franza ngħataw sentenza sospiża minn Qorti Franċiża u pprojbiti milli jirritornaw lejn Franza għal perjodu ta’ ħames snin wara sentenza mogħtija minn qorti ġewwa Albertville.
Il-qorti sabithom ħatja li ttrasportaw u kellhom fil-pussess tagħhom kwantità sostanzjali ta’ ossidu nitruż, magħruf aħjar bħala laughing gas, u kkundannathom għal tmien xhur ħabs sospiżi għal sentejn kull wieħed, flimkien ma’ multa ta’ €1,000. Il-prosekuzzjoni kienet talbet piena aktar iebsa ta’ sena ħabs għal kull wieħed minnhom.
In-nitrous oxide, li huwa komunement użat għal skopijiet industrijali u mediċi, sar popolari bħala droga rikreattiva minħabba l-effetti ewforiċi tiegħu għal żmien qasir. Għalkemm mhux ikklassifikat formalment bħala narkotiku, l-użu u d-distribuzzjoni tiegħu huma rregolati b’mod strett u illegali f’diversi reġjuni Franċiżi.
Iż-żgħażagħ ġew arrestati lejn l-aħħar ta’ Jannar meta uffiċjali tad-dwana Franċiżi sabu 13-il pallet ta’ laughing gas maħżuna f’maħżen mikri f’park industrijali fir-reġjun ta’ Savoy. Waqt tfittxija fl-appartament tagħhom, il-pulizija sabet aktar kontenituri identiċi għal dawk elevati mill-maħżen, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Huma kienu arrestati f’Savoie, fin-Nofsinhar ta’ Franza proprju fi ski resort fl-Alpi, wara sejba ta’ aktar minn 6,300 flixkun ta’ ossidu nitruż, magħruf aħjar bħala laughing gas. Filwaqt li l-valur tas-sejba huwa stmat li jlaħħaq aktar minn €340,000.
Il-gas, li jintuża bħala loppju fl-isptarijiet, kien irrapportat li nstab fi 13-il kaxxa moħbi f’kontejner li allegatament kien qed jinkera fil-villaġġ ta’ Bourg-Saint Maurice. Ġie irrapportat ukoll li t-traffikanti kienu ilhom jiġu sorveljati għal tal-inqas jumejn sħaħ mill-Forzi Armati Franċiżi u li segwewhom fl-iski resort ta’ Les Arcs.
Wara seduta li damet disa’ sigħat, l-imħallef iddeċieda li minkejja s-serjetà tal-każ u l-kwantità involuta, ma kienx hemm lok għal piena effettiva ta’ priġunerija, u għalhekk kienu imponuti sentenzi sospiżi. Barra mill-multi u s-sospensjoni tal-piena, it-tlieta ġew projbiti milli jidħlu fi Franza għal ħames snin.
Iż-żgħażagħ kienu assistiti mill-avukat Franċiż Pierre-Olivier Lambert flimkien mal-avukati Maltin Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>

