Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech, ikkundannat lil Kurt Muscat, ta’ 25 sena, għal tmien xhur priġunerija u multa ta’ €1,200 wara li ammetta li kiser kundizzjonijiet ta’ żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest u li hedded jew offenda uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Muscat kien mixli li nhar id-29 ta’ Diċembru 2025 u fix-xhur ta’ qabel naqas milli josserva kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti Kriminali f’Digriet tat-23 ta’ Frar 2023 presedut mill-Imħallef Aaron Bugeja, kif ukoll kundizzjonijiet oħra imposti fuqu mid-digriet tal-29 ta’ Lulju 2025 mogħti mill-Maġistrat Gabriella Vella. Dawn kienu jinkludu l-obbligu li jirrapporta fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan f’ħinijiet stabbiliti u li josserva ħinijiet ta’ rinkażar.
Barra minn hekk, kien akkużat li fit-30 ta’ Diċembru 2025, bejn l-4.00pm u s-6.00pm, inġurja jew hedded lill-uffiċjali tal-pulizija s-Surġent Aldo Zammit u l-Kuntistabbli Rhone Mifsud Grech waqt li kienu qed iwettqu dmirijiethom.
Waqt l-udjenza tat-18 ta’ Frar 2026, Muscat ammetta l-imputazzjonijiet miġjuba kontrih. Il-Qorti osservat il-proċedura u wissiet lill-imputat b’mod solenni dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu u tatu żmien biex, jekk irid, jirtira l-ammissjoni tiegħu wara konsultazzjoni mal-avukat tiegħu. L-ammissjoni baqgħet valida u l-Qorti ddikjaratu ħati fuq bażi volontarja u inkondizzjonata.
Meta ġiet biex tikkunsidra l-piena, il-Qorti qieset in-natura serja tar-reati u l-fedina penali voluminuża tal-imputat. Irrimarkat li l-fatt li kiser kundizzjonijiet imposti minn żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest juri nuqqas ta’ responsabbiltà u inaffidabbiltà li jimmilitaw kontra li jibqa’ jiċċirkola fil-komunità mingħajr konsegwenzi. Qieset ukoll l-ammissjoni bikrija tiegħu bħala fattur mitiganti.
Għaldaqstant, il-Qorti kkundannatu għal tmien xhur priġunerija u multa ta’ €1,200. Ordnat ukoll il-konfiska ta’ €500 depożitu u €1,000 garanzija personali marbuta mad-digriet ta’ ħelsien mill-arrest mogħti fid-29 ta’ Lulju 2025. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.
//= $special ?>

