Waqt attivitá li saret f’lukanda, fil-presenza tal-membri tal-klabb u l-membri tal-kumitat taħt il-Presidenza ta’ Claudio Grech, il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern kien se jipproponi lill-Parlament, l-allokazzjoni ta’ sit f’Pembroke għall-iżvilupp tal-Valletta FC Football Campus.
Din il-wegħdha tasal wara snin twal ta’ stennija minn Valletta FC biex ikollhom l-istadium tagħhom. F’Ġunju tal-2011, Gvern Nazzjonalista, kien uffiċjalment ta art lil Valletta FC f’Ħal-Farruġ biex fuqha jinbena stadium. Madankollu, Gvern Laburista fl-2013 ried juża’ din l-istess art ta’ Valletta FC għal skop ta’ avvjazzjoni u l-klabb ma setgħax ikompli bil-pjan ta’ ħidma biex jibni l-Istadium sakemm fl-2020, il-Gvern kien ta art oħra lill-klabb, f’Ħal-Farruġ ukoll.
Fuq din it-tieni art kien hemm ukoll kumplikazzjonijiet biex il-klabb jagħmel l-iżvilupp mixtieq u kellhom jgħaddu sitt snin oħra, sakemm l-istess Gvern ikkometta ruħu għal art f’Pembroke.
Wara snin ta’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet, il-klabb issa għandu ċertezza dwar il-futur tiegħu. Il-proġett jinkludi faċilitajiet għall-futbol, riabilitazzjoni, xjenza sportiva, edukazzjoni u attivitajiet komunitarji.
Il-President ta’ Valletta FC, Claudio Grech, sostna li dan il-pass se jsaħħaħ l-infrastruttura tal-futbol Malti u joffri opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp sportiv u soċjali.
//= $special ?>

