Lokali

Żewġt irgiel arrestati b’rabta ma’ traffikar tad-droga f’San Pawl il-Baħar

Żewġt irġiel ġew arrestati b’rabta ma’ traffikar tad-droga wara operazzjonijiet tal-Pulizija mwettqa f’San Pawl il-Baħar.

Wara jiem ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija wettqet żewġ operazzjonijiet fl-istess ħin — waħda fiż-żona f’Ta’ Fra Ben u oħra f’residenza fi Triq ix-Xolfa.

Matul l-ewwel operazzjoni f’Ta’ Fra Ben, l-uffiċjali osservaw raġel, li għandu 27 sena u huwa mill-Gambja, allegatament ibiegħ id-droga. Huwa twaqqaf immedjatament u saritlu tfittxija, li matulha nstabet sustanza suspettata kannabis. Aktar tfittxijiet li saru fl-istess żona, moħbija taħt zkuk tal-injam u friegħi, il-Pulizija sabu borża tal-plastik li fiha kien hemm numru ta’ qratas bl-istess sustanza.

Fl-istess ħin, matul it-tieni operazzjoni, l-uffiċjali daħlu f’residenza fi Triq ix-Xolfa. Hemmhekk, ġie arrestat it-tieni persuna, raġel ta’ 34 sena mill-Mali, u wara tfittxija fil-post, f’diversi kmamar, il-Pulizija sabu diversi qratas b’sustanza suspettata kannabis ukoll.

B’kollox, fiż-żewġ każijiet, instabu mal-75 qartas droga.

Il-Maġistrat Monica Borg Galea ħatret inkjesta, filwaqt li l-irġiel qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija għal aktar stħarriġ u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.