Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkundannat lil Carlos Manuel Simoes De Oliveira għal 14-il sena priġunerija effettiva u multa ta’ €32,000 wara li ammetta minflok għadda ġuri li mporta u ttraffika d-droga cannabis u kokaina f’Malta.
Il-Portugiż ta’ 54 sena kien tressaq il-Qorti fil-5 ta’ Mejju tas-sena l-oħra mixli bil-pussess ta’ 11-il kilo droga b’valur totali ta’ madwar €250,000. Huwa kien arrestat fil-jum tas-Sibt filgħodu, għall-ħabta tas-1am, malli wasal Malta fuq titjira minn Sivilja fi Spanja.
Waqt li l-Pulizija u l-uffiċjali tad-Dwana kienu qed iwettqu spezzjonijiet fuq il-passiġġieri ġiehom suspett fih. Kien waqt tfittxija fil-bagalja tiegħu li nstabu diversi pakketti b’madwar 10 kilo sustanza ħaxixa tal-kannabis b’valur fit-triq ta’ kważi €100,000 u madwar kilo sustanza allegatament kokaina li tiswa €150,000.
Ir-raġel kien arrestat u kien tressaq quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco fejn kien mixli b’importazzjoni, pussess u traffikar ta’ droga kif ukoll b’assoċjazzjoni fit-traffikar. Matul il-preżentata huwa ma kienx ammetta u baqa’ miżmum taħt arrest, iżda kien ammetta fl-istadju ta’ kumpilazzjoni.
L-akkużat, detentur ta’ passaport Portugiż, ġie mixli fil-Qorti Kriminali li f’Mejju 2025 u fix-xhur ta’ qabel importa cannabis grass u kokaina, assoċja ruħu ma’ persuni oħra biex jittraffika d-droga, biegħ u kellu fil-pussess tiegħu dawn is-sustanzi f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu. L-akkużi tressqu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi u leġiżlazzjoni relatata.
Fis-5 ta’ Frar 2026, quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja, l-akkużat irreġistra ammissjoni għall-imputazzjonijiet kollha, liema ammissjoni kkonferma wara li ġie spjegatlu l-konsegwenzi legali tagħha, inkluż il-piena applikabbli. Sussegwentement, l-Avukat Ġenerali ddikjara li l-imputazzjonijiet kellhom jitqiesu bħala Att ta’ Akkuża.
Permezz ta’ rikors konġunt bejn il-partijiet ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2026, dawn qablu li l-Qorti timponi piena ta’ 14-il sena ħabs u multa ta’ €32,000, oltre kull konsegwenza mandatorja oħra skont il-liġi. L-akkużat ikkonferma quddiem il-Qorti Kriminali li kien konxju tal-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu u li jaqbel mal-piena miftehma.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat li l-fedina penali tal-ħati kienet nadifa u qieset ukoll l-ammissjoni tiegħu, anke jekk ma saritx fil-bidu nett tal-proċeduri. Madankollu, osservat li l-ammissjoni saret qabel ma nħareġ formalment l-Att ta’ Akkuża.
Il-Qorti ordnat ukoll li l-ħati jħallas €4,348.70 fi spejjeż relatati mal-esperti fi żmien sentejn, inkella l-ammont jiġi kkonvertit f’perjodu addizzjonali ta’ priġunerija. Ġiet ordnata d-distruzzjoni tad-droga esebita ladarba s-sentenza ssir definittiva, kif ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-oġġetti kollha relatati mar-reati u ta’ kull flejjes jew proprjetà tal-ħati.
//= $special ?>

