Lokali

Abela jgħid li m’għandu xejn x’jaħbi minkejja li ma weġibx għall-ebda akkuża tal-Imħallef Wenzu Mintoff

Aktar minn 24 siegħa li sar magħruf pubblikament dak li ntqal fid-dikjarazzjoni ġuramentata tal-Imħallef Wenzu Mintoff, li fiha numru ta’ akkużi serji fil-konfront ta’ Robert Abela, il-Prim Ministru qal li hu m’għandu xejn x’jaħbi.

Dan hekk kif l-Erbgħa waranofsinhar permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru ppubblika ittra li bgħat lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Joseph Azzopardi hekk kif talbu sabiex titneħħa l-preskrizzjoni il-każi msemmija mill-istess Imħallef Mintoff.

Dan wara li Arnold Cassola, fundatur tal-Partit Momentum u Vicki Ann Cremona, President tal-NGO Repubblika, fetħu żewġ rapporti separati mal-istess Kummissarju għall-Istandards rigward il-proċess relatat mal-ħatra tal-Prim Imħallef wara li l-Imħallef Wenzu Mintoff saħaq fost oħrajn li għal Robert Abela l-flus jiġu l-ewwel qabel l-indipendenza tal-ġudikatura.

Dan hekk kif fost oħrajn huwa qal li meta kien qed jippratika ta’ avukat, Robert Abela hedded impjegata fl-uffiċċju tal-Imħallef stess li kien se jtelfilha x-xogħol tagħha la darba ma tagħmilx dak li kien qed jgħidilha hu…filwaqt li ntqal ukoll li wettaq pressjoni fuq il-Qorti.

Fl-istess perjodu, Abela kien ukoll Deputat Laburista.

Referenzi li kien qiegħed jagħmel l-Imħallef Mintoff imorru lura għal madwar 6 snin ilu.

Il-Prim Ministru għadu ma weġibx mhux biss dwar dawn l-akkużi, iżda wkoll dwar il-fatt li spiċċa jirreduċi l-ħatra ta’ Prim’Imħallef f’ballun partiġjan skont ma ngħad taħt ġurament mill-Imħallef Wenzu Mintoff.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg insista sabiex il-Prim Ministru jwieġeb lill-poplu dwar dawn l-akkużi li għamel taħt ġurament l-Imħallef Wenzu Mintoff – b’Abela, aktar minn 24 siegħa wara għadu ma ċaħad l-ebda waħda minnhom.