Lokali Qorti

ABELA TAĦT PRESSJONI: ‘No comment’ minn naħa tal-Ministri

Robert Abela taħt pressjoni. Il-Kamra tal-Avukati wkoll imħassba. Il-Prim Ministru qed jibqa’ jaħrab. No comment minn naħa tal-Ministri.

Din hija s-sitwazzjoni li spiċċa fiha l-Gvern, wara l-akkużi serji tal-Imħallef Wenzu Mintoff. Fejn iddikjara b’ġurament li Robert Abela aktar interessat mill-flus milli mill-indiġendenza tal-ġudikatura – stqarrija li, weħidha, diġa’ hija xokkanti.

U quddiem dan kollu, il-Prim Ministru baqa’ jfarfar; ma ċaħad ebda waħda mill-akkużi li saru mill-Imħallef Wenzu Mintoff – fosthom, li Abela qed idawwar il-proċess għall-ħatra ta’ Prim Imħallef b’mod li l-ewwel ipoġġi l-konsiderazzjonijiet politiċi.

Fi kliem il-Kamra tal-Avukati, dak li kellu jkun proċess serju, matur u diskret issa sar jixbah aktar farsa pubblika.

L-avukati insistew ukoll illi l-awtorità u l-kredibbilità tal-Qrati ma jistgħux jibqgħu suġġetti għal kalkoli politiċi jew negozjati li jsiru fuq palk pubbliku.