Lokali Qorti

Frankati 30 xahar ħabs fuq każ ta’ użura u iktar minn €11,000 f’konfiska favur il-Gvern

Robert Bugeja ta’ 66 sena, li kien intbagħat 30 xahar ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati u ġie mmultat €20,000 wara li nstab ħati li sellef flus bl-użura, kellu s-sentenza ta’ priġunerija effettiva sospiża u konfiska riveduta b’mod sostanzjali.

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri laqgħet in parte l-appell ta’ Bugeja u naqset il-piena ta’ ħabs effettiv għal sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti bidlet ukoll l-ammont tal-konfiska favur il-Gvern ta’ €19,800.30 u minflok niżżlitha għal €8,006.67.

Il-Qorti rrivediet ukoll l-ammont dovut lil wieħed miż-żewġ persuni li ssellfu mingħand Bugeja, bi ftit – filwaqt li kkonfermat multa ta’ €20,000, ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin, u ħlas ta’ spejjeż peritali ta’ €1,012.20.

F’Novembru li għadda l-Ewwel Qorti sabet lill-imputat ħati tal-ewwel imputazzjoni ta’ użura, li tinkludi rċeviment ta’ imgħax eċċessiv fil-konfront ta’ żewġ irġiel. Il-każ ta’ użura kien ibbażat fuq selfi li wieħed mill-vittmi kien ingħata mill-appellant bejn l-2015 u l-2018, fejn l-ewwel pagamenti kienu saru permezz ta’ persuna oħra.

Fil-proċeduri tal-Qorti tal-Appell, Bugeja appella fuq diversi punti, inkluż il-kredibilità tax-xhieda, l-integrità tal-evidenza (chain of custody), u l-validità ta’ ċerti dokumenti u mandati. Il-Qorti kkonfermat li l-evidenza kollha kienet ġiet ippreżervata b’mod korrett u li l-Ewwel Qorti kellha legalment u raġonevolment tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-ħtija.

Madankollu, filwaqt li l-ħtija kienet ikkonfermata, il-Qorti tal-Appell fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Camilleri riveda l-piena tal-ħabs u, minflok 30 xahar effettivi, ordna li din tiġi sospiża taħt Artikolu 28A tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Il-vittmi xhedu kif Bugeja ħa vantaġġ minnhom u anki sab mod biex isegwihom u jisfurzahom biex iħallsu aktar, inkluż ħlasijiet fi flus kontanti u pressjoni biex jirritornaw somom ferm ogħla minn dawk misjuba fil-kuntratti oriġinali.

Fil-Qorti, Bugeja ċaħad l-akkużi u sostna li s-self kien mingħand l-ewwel vittma u mingħand persuni oħra mingħajr interessi. Bugeja ġie ordnat ukoll iħallas lill-ewwel vittma €8,831 li din tnaqqswet bi ftit fl-appell u €1,012 fi spejjeż tal-Qorti.

Vittma kien xehed fil-Qorti tal-Maġistrati kif kienet persuna oħra li introduċietu ma’ Bugeja. Qal li dan kien qallu li jekk xi darba jkun jeħtieġ il-flus għandu ħabib li jista’ jisilfu. Qal li l-ewwel darba talbu €500 bil-kundizzjoni li wara xahrejn iħallas €1,000. Qal li kull darba li ssellef xi flus hu kien mitlub iħallas doppju.

F’Setembru, 2017, il-vittma talab €1,700 u Bugeja tah €1,600. Għal dan il-vittma spiċċa ħallas €3,000. F’Jannar, 2018, il-vittma talab €8,000 u kellu jħallas €13,000 sa Mejju. Il-vittma kompla jixhed li l-akkużat kien bagħatlu biex jekk xi darba jkun jeħtieġ somma akbar, jista’ jitolbu.

Il-vittma kien ammetta li kien imdejjen ma’ diversi nies u l-akkużat qallu jindikalu ma’ min u b’kemm kien midjun. Il-vittma xehed kif Bugeja u qarib tiegħu kienu jċemplulu u jsusu warajh u li hu kien waqaf jaħdem.

Wara seba’ xhur sab impjieg ġdid iżda mal-ewwel jum, Bugeja, ċempillu u qallu li jaf li sab jaħdem għax għandu n-nies isegwuh. Bugeja li dejjem ċaħad l-akkuża kien qal fil-Qorti li hu kien jislef flus lil wieħed mingħajr interessi u li kien dan ir-raġel li laqqgħu mal-ewwel vittma.

Bugeja sostna wkoll li kien l-ewwel vittma li kien ċempillu jitolbu l-flus għax kienu se joqtluh. Qal li ssellef xi flus mill-bank biex jixtri xi għamara u sellef il-flus lill-ewwel vittma. Huwa kkonferma li m’għandux liċenzja biex jislef flus, imma dejjem ċaħad l-ammonti li kienu qed jissemmew.

Għaldaqstant l-Qorti tal-Appell Kriminali, kkonfermat il-ħtija ta’ Robert Bugeja fuq l-ewwel imputazzjoni ta’ użura (li jirċievi imgħax eċċessiv minn self) kif instabet mill-Qorti tal-Maġistrati. Madankollu, minflok tliet snin priġunerija effettivi issospendiet il-piena ta’ priġunerija effettiva.

Il-Qorti, fil-konsiderazzjonijiet tagħha, ħadet kunsiderazzjoni tal-fedina penali tal-appellant u ċ-ċirkostanzi personali tiegħu, l-provi u l-kredibilità tax-xhieda inkluż taż-żewġ vittmi u li ma kien hemm l-ebda difett fil-proċess jew fl-evidenza li wassal għal konklużjoni żbaljata.

Il-Qorti wkoll ordnat li l-appellant iħallas lill-wieħed mill-vittmi, l-ammont ta’ €8,831.85, li jirrifletti l-imgħax eċċessiv li rċieva. Konsegwentement, il-konfiska u ordni ta’ trażżin instabu validi u ma ġewx mibdula. Fil-qosor, il-ħtija hija kkonfermata, il-multa u l-ammont ta’ imgħax eċċessiv għall-vittma jibqgħu, iżda il-piena ta’ priġunerija hija sospiża u mhux effettiva. Għal Bugeja dehru l-Avukati Ishmael Psaila, Amadeus Cachia u Arthur Azzopardi.