Is-Safeguarding Commission tal-Knisja f’Malta u l-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi ffirmaw ftehim (Memorandum of Understanding) bil-għan li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni fl-għoti tas-servizzi għall-kura tal-vittmi f’Malta.
Il-ftehim ġie ffirmat minn Mark Pellicano, Kap tas-Safeguarding, u Brian Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija. Dan huwa l-ewwel ftehim formali bejn is-Safeguarding Commission u aġenzija tal-Gvern. Il-ftehim jistabbilixxi proċeduri ċari ta’ riferiment, jippromwovi appoġġ koordinat, u għandu l-għan li jiżgura li dawk affettwati mill-abbuż jingħataw l-ogħla standards ta’ kura.
Permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ entitajiet jerġgħu jikkonfermaw l-impenn li jaħdmu mill-qrib flimkien fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-protezzjoni, u l-appoġġ għall-vittmi. Ilftehim juri impenn komuni għall-kooperazzjoni professjonali, il-kontabbiltà, u t-tisħiħ kontinwu tal-kultura tas-safeguarding f’Malta.
Fil-qalba tal-ftehim hemm l-impenn tas-Safeguarding Commission u l-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi li jpoġġu lill-vittma fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom. Dan jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ kontinwu matul kull stadju tal-proċess investigattiv u jafferma li kull meta tiġi abbużata pożizzjoni ta’ fiduċja u jitwettaq reat fi ħdan organizzazzjoni, trid tiġi żgurata l-kontabbiltà u tiġi mħarsa l-ġustizzja
Ftehim ġdid biex jissaħħu l-isforzi għall-ħarsien tal-vittmi


