Gvern ġdid Nazzjonalista jara li kumpaniji Maltin ikomplu jsaħħu u jespandu l-operat tagħhom.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta dalgħodu żar il-kumpaniji Camel Brand u PG Group. Iż-żjarat tal-lum ikomplu ma’ sensiela ta’ żjarat li matulhom Alex Borg qed ikompli jisma’ dak li għandhom xi jgħidu nies minn oqsma diversi, fosthom in-negozji.
Waqt iż-żjara fil-kumpless ta’ Camel Brand f’Tal-Ħandaq, Alex Borg żar id-diversi taqsimiet, inkluż dik tal-ippakkjar u ż-żona fejn tinħadem il-ħelwa tat-tork – xi ħaġa li kien bdieha n-nannu tad-direttur attwali tal-kumpanija u li għadha sal-lum tinħadem biss mid-diretturi tal-kumpanija.
Il-kumpanija Camel Brand, li llum qed titmexxa mid-Diretturi Mark u Isaac Micallef flimkien ma’ membri oħra tal-familja Micallef, ilha mwaqqfa mill-1950 u hija magħrufa għal prodotti lokali, ħwawar u ħafna aktar.
It-tmexxija tal-kumpanija ddiskutiet mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dawk li huma l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom filwaqt li Alex Borg tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista beħsiebu jagħti lil kumpaniji bħal dawn l-opportunità li jkompli jissaħħu.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus, ix-Shadow Minister għall-Isport u l-Volontarjat David Agius u x-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina.
Waqt iż-żjara fil-kumpless tal-PAMA fil-Mosta, il-Kap tal-PN Alex Borg iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv ta’ PG Group Malcolm Camilleri flimkien ma’ membri oħra tat-tmexxija.
Huwa u jżur id-dipartimenti varji ta’ dan il-grupp ta’ kumpaniji, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu ċ-ċans jara kif PG Group irnexxielhom jifirxu l-operat tagħhom f’oqsma kompletament differenti, u llum minbarra fil-qasam tas-superamarkets huma wkoll ir-rappreżentanti ta’ numru ta’ ħwienet ta’ ditti rinomati u joperaw ukoll is-servizz Ragusa Xpress bejn Malta u l-port ta’ Ragusa fi Sqallija.
Wara li sema’ wkoll dawk li huma l-preokkupazzjonijiet kif ukoll il-miri tal-kumpaniji, fosthom in-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa u t-tama li l-kumpanija tkompli tikber anke lil hinn minn xtutna, Alex Borg saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar taħriġ speċjalizzat kif ukoll fuq il-ħtieġa ta’ Labour Market Study biex ikollna stampa ċara tas-sitwazzjoni fil-pajjiż. Hu semma wkoll il-bżonn ta’ level playing field għal negozji Maltin imqabbla ma’ dawk barranin u saħaq li Gvern Nazzjonalista jrid ikun pro-business b’mod sostenibbli.
Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Ryan Callus, u l-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Michael Piccinino.
Dawn iż-żjarat regolari li qed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed ikomplu jsaħħu l-politika tal-Partit Nazzjonalista mfassla minn nies għan-nies, bil-għan li kullħadd jilħaq l-ogħla miri possibbli.
//= $special ?>

