Il-Kamra tal-Avukati esprimiet tħassib serju dwar kif qed jiżvolġi l-proċess tal-ħatra għall-kariga ta’ Prim Imħallef tal-Qrati, u qalet li dak li kellu jkun proċess serju u diskret issa qed jixbah aktar “farsa pubblika” li ma tagħmilx ġieħ lill-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.
F’stqarrija maħruġa llum, il-Kamra għamlet referenza għal komunikat li kienet ħarġet ftit ġimgħat ilu dwar l-istess suġġett, u sostniet li minflok ma s-sitwazzjoni ġiet indirizzata b’sens ta’ responsabbiltà istituzzjonali, l-iżviluppi riċenti juru li l-proċess mhux biss għadu ma ġiex konkluż, iżda anke degenerat f’sitwazzjoni li qed tikkawża ħsara lill-istituzzjonijiet.
Il-Kamra fakkret li l-Kostituzzjoni tipprevedi maġġoranza ta’ żewġ terzi għall-ħatra ta’ Prim Imħallef proprju biex din tkun frott ta’ qbil nazzjonali u mhux ta’ kalkolu politiku. Skont l-istqarrija, in-nuqqas ta’ qbil bejn il-partiti politiċi u l-fatt li l-proċess spiċċa espost għall-ispekulazzjoni pubblika, inkluż bit-tixrid ta’ ismijiet ta’ kandidati potenzjali, juru nuqqas serju ta’ tmexxija u sens ta’ responsabbiltà nazzjonali.
Il-Kamra sostniet li l-pubblikazzjoni u d-diskussjoni pubblika ta’ ismijiet ta’ membri tal-ġudikatura jew kandidati prospettivi tmur kontra l-ispirtu tal-ħatra u tesponi lill-individwi għal pressjoni u kritika mhux ġustifikata. Dan, skont il-Kamra, huwa ta’ detriment kemm għall-persuni involuti kif ukoll għall-awtorità tal-istituzzjoni tal-Qrati.
Fl-istqarrija ntqal li l-proċess kellu jkun wieħed kunfidenzjali, immaniġġjat b’dinjità u b’rispett sħiħ lejn il-ġudikatura. L-awtorità u l-kredibilità tal-Qrati, wissiet il-Kamra, ma jistgħux jibqgħu suġġetti għal negozjati politiċi fuq il-palk pubbliku.
Il-Kamra tal-Avukati appellat mill-ġdid lill-mexxejja politiċi sabiex jaġixxu b’maturità kostituzzjonali u jaslu għal qbil mingħajr aktar dewmien, filwaqt li wissiet li kull jum li jgħaddi f’din is-sitwazzjoni qed ikompli jnaqqas il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet u jikkawża ħsara lis-settur tal-ġustizzja.
Skont il-Kamra, il-ħatra ta’ Prim Imħallef m’għandhiex tinbidel f’kompetizzjoni politika, iżda għandha tibqa’ att ta’ responsabbiltà nazzjonali fl-aqwa interess tal-pajjiż.
//= $special ?>

