Lokali

“Il-PN jibqa’ dejjem favur il-waqfien mill-ġlied” – Alex Borg

Matul il-jum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, iltaqa’ mal-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, Fadi Hanania u żewġ uffiċjali oħrajn tal-ambaxxata – fejn ilkoll iddiskutew ir-rabtiet li jeżistu bejn Malta u l-Istat Palestinjan.

Matul id-diskussjoni tkellmu fost l-oħrajn dwar l-appoġġ storiku ta’ Malta għall-Palestinjani u l-pożizzjoni konsistenti ta’ pajjiżna favur soluzzjoni ta’ żewġ stati – ibbażata fuq il-fruntieri tal-1967, b’Ġerusalemm bħala kapitali kondiviża.

Min-naħa tiegħu Alex Borg esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza u saħaq dwar l-importanza li jiġu protetti n-nies u li tiġi rispettata l-liġi internazzjonali. Huwa fakkar ukoll kif fl-ewwel ftit xhur tiegħu bħala Kap tal-PN, Malta rrikonoxxiet l-istat tal-Palestina.

Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Galea, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami, u d-Deputat Nazzjonalista Mario Demarco.