Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, tinsab f’Londra għal żjara uffiċjali ffukata fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Matul iż-żjara, il-President Metsola kellha sensiela ta’ laqgħat mal-ogħla livell tat-tmexxija Brittanika. Id-dettalji.
F’laqgħa produttiva mal-Prim Ministru Sir Keir Starmer, il-President Metsola ddikjarat li għaxar snin wara r-referendum tal-Brexit, ir-relazzjoni trid tkun ibbażata fuq ir-realtajiet tal-lum. Iż-żewġ mexxejja qablu li l-futur irid jinbena fuq rabtiet aktar b’saħħithom li jibbenefikaw lin-nies kollha. Filwaqt li enfasizzat l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar profonda, il-President tenniet li b’dak li għaddej madwar id-dinja, relazzjoni aktar b’saħħitha u aktar mill-qrib hija fl-interess ta’ kulħadd. Saħqet li issa huwa l-waqt li tinbena sħubija li tirrifletti d-dinja kif inhi, mhux kif kienet darba.




Il-President Metsola ddiskutiet ukoll is-sigurtà, il-kummerċ, u l-mobilità taż-żgħażagħ mad-Deputat Prim Ministru u s-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja David Lammy, fejn enfasizzat li s-sigurtà Ewropea hija indiviżibbli, partikolarment fid-dawl tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna. Il-President Metsola qalet li li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jerġa’ jingħaqad mal-programm Erasmus+ mill-2027 hija investiment kruċjali fil-ġenerazzjoni li jmiss, u żiedet li l-futur irid jinbena fuq sħubija li trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni filwaqt li tnaqqas il-burokrazija żejda.
Fil-House of Commons, il-President Metsola intlaqgħet mill-Ispeaker, Sir Lindsay Hoyle, biex tiddiskuti l-kooperazzjoni parlamentari u l-valuri demokratiċi. Hija rraingrazzjatu għall-impenn tiegħu biex jissaħħu r-relazzjonijiet parlamentari bejn iż-żewġt ikmarmar tar-rappreżentanti.
Fil-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra, l-President Metsola ltaqgħet mal-komunità Maltija. Waqt li indirizzat liċ-ċittadini Maltin li jaħdmu f’setturi li jvarjaw mit-teknoloġija sal-kura tas-saħħa, il-President Metsola faħħret lid-dijaspora Maltija bħala ambaxxaturi importanti, filwaqt li stqarret kif is-suċċess tagħhom huwa s-suċċess għal Malta.
//= $special ?>

