Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, irrifjutat l-appell ta’ Carlos Muscat kontra l-konvinzjoni tiegħu dwar is-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol fit-25 ta’ Diċembru 2023 f’San Ġiljan. Huwa kien ġie mmultat €1,800 u skwalifika tal-liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur wara li kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati.
Muscat argumenta li nkisru d-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-bodycam footage u li xi evidenza essenzjali kellha tiġi eskluża. Il-Qorti sabet li hu kien infurmat b’mod korrett dwar id-drittijiet tiegħu, kellu l-opportunità jipparteċipa fil-proċeduri, u li l-affidavits u l-filmat kienu ammissibbli.
Il-Qorti osservat ukoll li l-piena oriġinali—multa ta’ €1,800 u skwalifikazzjoni mis-sewqan għal sitt xhur li se jidħlu fis-seħħ min-nofs il-lejl mid-data tas-sentenza—ma kinitx eċċessiva jew inġusta. B’konsegwenza, l-appell ġie miċħud fil-komplet, u ġiet ikkonfermata kemm il-ħtija ta’ Muscat kif ukoll is-sentenza oriġinali.
Jirriżulta li dakinhar li f’jum il-Milied tal-2023 għall-ħabta tal-11.30pm. il-Pulizija kienu qed jagħmlu spezzjonijiet fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan fejn waħda mill-vetturi li twaqqfet kienet il-vettura misjuqa mill-appellant.
Peress li kien hemm suspett li l-appellant seta’ kien qiegħed isuq taħt l-effett tal-alkoħol, sarlu test tan-nifs. Skont l-affidavit tal-kuntistabbli D. Agius irriżulta li dan it-test ġie pożittiv u eventwalment l-appellant allura imputat ġie mixli biż-żewġ imputazzjonijiet f’din is-sentenza.
Il-Qorti nnotat li mill-okkorrenza mħejjija mis-Surġent Carmel-Anthony Debattista u li li ġie eżebiet fl-ewwel seduta miżmuma quddiem l-Ewwel Qorti hemm imniżżel hekk: “Carlos deher b’għajnejh ħomor u meta beda jitkellem inxtammet riħa ta’ alkoħol man-nifs tiegħu.
Carlos ġie mogħti drittijiet tiegħu u jekk jixtieqx li jagħmel it-test tan-nifs (breathalyser) u min-naħa tiegħu Carlos għażel li jagħmel it-test kif ukoll irrifjuta li jikkonsulta ma’ avukat. Meta sar it-test irriżulta 151.1ug/100ml. Carlos ġie nfurmat li ser jinħarġu l-akkużi fil-konfront tiegħu dwar l-akkadut.


