Lokali

“Inkomplu nżuru n-negozji biex nagħmlu politika tan-nies min-nies” – Alex Borg

“Irridu nkomplu nżuru n-negozji u nisimgħu l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom; biex b’hekk inkunu nistgħu verament nifformulaw il-futur ta’ pajjiżna.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg waqt żjara li għamel lill-kumpanija Camel Brand f’Tal-Ħandaq – kumpanija li ilha topera mill-1950 u li għandha legat qawwi fis-settur ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel Maltin, il-loġistika u l-produzzjoni ta’ ‘l fuq minn 60 prodott.

Din il-kumpanija li tħaddem ‘il fuq minn 80 impjegat hija mmexxija minn familja Maltija li waslet fir-raba’ ġenerazzjoni tagħha.

Mal-wasla tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien milqugħ miż-żewġ diretturi tal-kumpanija, Mark Micallef u Isaac Micallef li dawwruh mal-fabbrika – fejn iltaqa; mal-ħaddiema u segwa mill-qrib il-proċess ta’ kif isiru bosta prodotti ġenwini li tipproduċi din il-kumpanija – fosthom, il-bigilla u d-dips, il-ħelwa tat-tork, il-ġardiniera, it-tadam imqadded, il-ġobon tal-ħakk, u ħafna aktar.

Apparti minn hekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll l-imħażen fejn jinżammu l-prodotti.

F’kummenti lil Net News, Alex Borg saħaq dwar l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jkompli jisma l-isfidi u l-ħsibijiet tan-negozji sabiex ikun jista’ jaġixxi għalihom.

Apparti minn hekk saret ukoll laqgħa fil-boardroom ta’ din il-fabbrika fejn it-tmexxija ta’ din il-kumpanija iddiskutiet mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-isfidi li qed jaffaċċjaw preżentament u l-ambizzjoznijiet li għandhom, sabiex ikomplu jikbru fil-futur.

Għal din iż-żjara il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers, Toni Bezzina, Ryan Callus u David Agius.