Sport

Jibda l-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa

It-torċa għal-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa nxtegħlet fi Stoke Mandeville, fir-Renju Unit, f’ċerimonja li mmarkat il-bidu ta’ vjaġġ ta’ 11-il jum lejn l-Italja li jilħaq il-qofol tiegħu fis-6 ta’ Marzu fl-Arena di Verona bic-Ċerimonja tal-Ftuħ.

Stoke Mandeville ntgħażel għax huwa meqjus bħala l-post fejn twieled il-moviment Paralimpiku modern. Quddiem madwar 200 mistieden, il-Britannika Millie Knight, tliet darbiet atleta Paralimpika u rebbieħa ta’ erba’midalji  fl-alpine para skiing, u t-Taljan Andrea Macrì, membru tat-tim nazzjonali tal-hockey fuq is-silġ, intgħażlu biex jixegħlu l-fjamma li tissimbolizza l-bidu tal-aħħar fażi lejn il-Logħob Paralimpiku tax-Xitwa Milano – Cortina.

Iċ-ċerimonja kienet ospitata mill-eks ċiklista u champion Paralimpika Dame Sarah Storey u ġabret flimkien rappreżentanti istituzzjonali u sportivi mir-Renju Unit u l-Italja. Fosthom kien hemm il-President tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali Andrew Parsons, li enfasizza s-sinifikat storiku tal-post li għal Moviment Paralimpiku, Stoke Mandeville huwa fejn Sir Ludwig Guttmann beda l-moviment dinji li beda b’16-il veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija biss li weġġgħu. Inizjattiva  li bdiet fl-1948 ma’ veterani tal-gwerra u wasslet għall-ewwel Logħob Paralimpiku uffiċjali, li saru f’Ruma fl-1960.