Lokali Qorti

Jibdew il-provi fuq allegata użura u ħasil ta’ flus: Vittma tgħid li wieħed mill-akkużati qalilha “Niġi nkissirlek il-bieb”

Xhud fil-Qorti rrakkontat kif allegatament Keith Pace kien isellifha l-flus u, meta kien jitlobhom lura, kien jagħmel pressjoni fuqha b’theddid. Fil-Qorti ntqal li f’okkażjoni minnhom huwa allegatament qalilha: “Niġi nkissirlek il-bieb,” kliem li skont hi qanqal biża’ u tensjoni kbira.

Ix-xhud spjegat li s-self kien beda bħala għajnuna finanzjarja, iżda maż-żmien is-sitwazzjoni eskalat meta bdiet issib diffikultà biex tħallas lura s-somom dovuti. Hija qalet li t-theddid ma kienx episodju iżolat, u li kienet tħossha intimidata kull darba li kien isir kuntatt dwar il-flus.

Dan ħareġ hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tal-familja Pace dwar allegazzjonijiet serji ta’ użura u ħasil ta’ flus, f’każ li qed jiżvela xhieda dettaljata ta’ persuni li jsostnu li spiċċaw mgħaffġa b’dejn u mgħaxijiet kbar.

L-akkużati huma Keith Pace, ta’ 45 sena minn Santa Venera, is-sieħba tiegħu Maria Grixti ta’ 49 sena mill-Marsa, il-ġenituri tiegħu Lawrence Pace u Emanuela Pace, it-tnejn ta’ 73 sena minn Santa Venera, kif ukoll iż-żewġ uliedhom Carlos Pace u Cleaven Pace ta’ 24 u 20 sena rispettivament, li diġà jinsabu mixlija separatament bis-serqa ta’ 132 kilo cannabis mill-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Frar tas-sena li għaddiet.

Quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, spikkat ix-xhieda ta’ mara li qalet li spiċċat tfittex l-għajnuna tal-Caritas Malta wara li ddejnet ammont sostanzjali mingħand Keith Pace. Skontha, is-self beda ftit wara l-pandemija tal-Covid-19 u kien jinvolvi pagamenti fix-xahar fejn parti minnhom kienet imgħax.

Hija spjegat kif meta ma setgħetx tħallas is-somma sħiħa, kienet tintalab tħallas biss l-imgħax, li mbagħad kien jiżdied mal-kapital fix-xahar ta’ wara, u b’hekk id-dejn kien ikompli jikber. Ix-xhud allegat li meta ma kinitx tħallas, kienet tiġi insultata u mhedda, u ddeskriviet lill-imputat bħala persuna “kollu storbju u għajjat”.

F’okkażjoni minnhom, qalet, li hu u s-sieħba tiegħu niżlulha d-dar u kellha ssejjaħ lill-Pulizija. Qalet ukoll li darba ħadilha l-pjanċi tal-vettura tagħha u rritornahom biss wara li ħallset, u li spiċċat issuq b’number plate miktuba bil-marker, sakemm twaqqfet minn uffiċjali ta’ Transport Malta.

Hija rrakkontat ukoll li minħabba imgħax li allegatament tela’ għal madwar €17,000, tat iċ-ċwievet tal-vettura tagħha Kia Sportage waqt li kienet imsiefra, u aktar tard qalulha li l-vettura kienet se tinbiegħ għall-parts u saħansitra tpoġġiet għall-bejgħ fuq Marketplace.

Qalet li l-Caritas kellha tintervjeni u tinforma lill-imputat li hija kienet diġà ħallset biżżejjed, iżda sostniet li ċ-ċwievet għadhom għand Keith Pace. Xhieda oħra tat verżjoni differenti, fejn qalet li hi stess ipproponiet pagamenti ta’ €300 fix-xahar fuq self ta’ €1,000 u li Pace qatt ma rrabja magħha. Ammettiet li kienet tuża parti mill-flus li ssellfet mingħandu biex tħallas djun oħra ma’ terzi.

Xhud oħra, li qalet li taf lill-imputat sa minn tfulitha, spjegat kif issellfet €6,000 biex tixtri karozza tal-Y plates wara sitt xhur fis-sodda u żewġ operazzjonijiet maġġuri. Qalet li l-ftehim kien li tħallas €600 fix-xahar.

Il-prosekuzzjoni ddikjaratha bħala xhud ostili u kkonfrontatha bi stqarrija preċedenti fejn kienet qalet li minn self ta’ €12,000 kienet diġà ħallset €7,000 f’imgħax. Xhud ieħor xehed dwar self ta’ €30,000 mingħand Keith u missieru Lawrence, fejn ġie ffirmat kuntratt quddiem nutar.

Huwa qal li wara l-mewt ta’ missieru, kien fadal madwar €5,000 u li garaxx fil-Ħamrun tħalla bħala garanzija. Skont hu, illum m’għandux aċċess għall-garaxx sakemm jitħallas id-dejn kollu, minkejja li sostna li dan ma kienx il-ftehim oriġinali.

Xhud oħra allegat li kienet mhedda b’kliem bħal “ħa niġi nkissirlek il-bieb” meta ma setgħetx tħallas imgħax ta’ €450 fix-xahar fuq self ta’ €1,300. Hija sostniet li Pace u Maria Grixti marru quddiem id-dar tagħha f’Għawdex u li ħadulha ċ-ċavetta tal-post bħala garanzija.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet iebsa, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, u sostniet li għad fadal numru sostanzjali ta’ xhieda, b’allegazzjonijiet li xi xhieda qed jiġu mbeżżgħa biex ma jixhdux. Skont l-Ispettur investigattiv, qed tirċievi telefonati ta’ kuljum mingħand xhieda li jibżgħu jixhdu.

Id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest mistennija tingħata ‘in camera’ mill-Maġistrat Lara Lanfranco.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Leanne Bonello flimkien mal-Avukati Neville Galea u Michael Muscat f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-aħwa u l-missier, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru għall-anzjani.

Il-kumpilazzjoni tal-provi tkompli fil-jiem li ġejjin.