Issa nqabżet il-linja.
Hekk stqarr l-editur tat-Times meta analizza l-kwistjoni tal-għażla tas-suċċessur ta’ Mark Chetcuti – ħatra li spiċċat inbidelt fi spettakklu bla ebda preċedent, li jċekken u jdgħajjef l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Fl-editorjal intqal kif dan l-eżerċizzju kostituzzjonali spiċċa qajjem kwistjonijiet u mistoqsijiet serji kemm fil-konfront tal-Imħallef Wenzu Mintoff; iżda aktar minn hekk fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela.
Fid-dikjarazzjoni ġuramentata, l-Imħallef Wenzu Mintoff għamilha ċara li l-Prim Ministru qallu li mhux lest li jikkunsidra kwalunkwe isem għal din il-pożizzjoni la darba tkun proposta mill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, għaliex skont ma qal lil Mintoff, il-Prim Ministru ikun qed jitlef il-fiduċja mingħand dawk tal-qalba fi ħdan il-Partit Laburista… filwaqt li jsaħħaħ l-istatura ta’ Alex Borg.
L-editur insista li tali aġir huwa assurd għaliex dan ifisser li l-Prim Ministru qed jagħżel persuna għal tali pożizzjoni kostituzzjonali… fuq bażi partiġjana biss.
Dan filwaqt illi insista li minflok qed niffokaw fuq il-karatteristiċi xierqa ta’ Prim Imħallef; persuna bi gravitas, kompetenza amminsitrattiva u awtorità morali – spiċċajna bħal kompetizzjoni tas-sbuħija.
Filwaqt li l-editur saħaq li bla ebda dubju l-Imħallef Wenzu Mintoff kellu jiġi kkunsidrat għal din il-ħatra, s’intendi issa jista’ jinsa tali pożizzjoni wara ittra splussiva bħal ma’ kiteb.
Fuq kollox, l-allegazzjonijiet li għamel Mintoff taħt ġurament ma jistgħu qatt jiġu injorati… bl-editur jinsisti li dak li qal l-Imħallef dwar Abela huwa verament serju.
Partikolarment meta qal, taħt ġurament, li meta kien avukat prattikanti Abela wettaq pressjoni fuq il-Qorti u li hedded impjegata fl-uffiċċju tal-Imħallef stess li kien se jtelfilha xogħolha.
Fl-aħħar mill-aħħar, dak li seħħ fl-aħħar sigħat spiċċa tappan il-fiduċja li hemm kemm fl-Eżekuttiv kif ukoll fil-Ġudikatura u jwassal għal sens ta’ kaos – sens li bla dubju qed nistennew li jissokta anke fil-ħatra ta’ Awditur Ġenerali ġdid fi ftit tal-ġimgħat oħra.
L-editur temm li Robert Abela jrid jiftakar li l-irwoli kostituzzjonali m’għandhomx ikunu qatt estensjoni tal-partit politiku li qiegħed imexxi.
//= $special ?>

